Bonġu Kafé
Kurżitajiet

Filfla

WAQT IL-KAFÉ… ma’ Joe Julian Farrugia

 

Tidher mill-bogħod imma hija parti minn pajjiżna. Ma jgħixux umani fuqha u mnalla… għax hemmhekk in-natura tgħix bla ebda ndħil, bla theddid u bla ċans li tinqered. Hija ġenna għall-kreaturi li jabitaw fuqha li min jaf kemm iħarsu lejn gżiritna u jiskantaw kemm qridna partijiet minnha.

Filfla hija gżira żgħira xi 4 kilometri u nofs barra mil-Lbiċ ta’ Malta. Jingħad li minħabba l-forma tawwalija tagħha, ħadet isimha mill-filfel, il-bżaru aħmar jaħraq. Hija ċkejkna fid-daqs u magħmula minn art ċatta xagħrija n-naħa ta’ fuq imdawra minn irdum għoli fuq kull naħa. Jidher ċar li kienet parti minn art ikbar li b’xi mod ċediet u baqgħet hi biss fil-wiċċ. Għallinqas il-loġika hekk tindika.

Imma l-leġġenda tgħid mod ieħor. Kienu jgħidu li meta l-Maqluba fil-Qrendi nqerdet minħabba l-ħajja xxellerata tar-residenti, l-anġli kienu xeħtu parti minnha fil-baħar… u l-parti li baqgħet fil-wiċċ iffurmat lil Filfla. Naturlament, leġġenda hija leġġenda.

Imma mhix leġġenda li Filfla kienet attakkata bla ħniena mill-bombi mill-ajru… u dan fi żmien ta’ paċi! Meta Malta kienet taħt l-Ingliżi, Filfla kienet isservi biex l-ajruplani tal-gwerra joqgħodu jitħarrġu jisparaw fuqha.

Imma qabel kienu jattakkawha, jgħidu li xi bini fuq Filfla kien hemm. Bejn l-1343 u l-1575 kien hemm kappella f’għar iddedikata lil Santa Marija ta’ Filfla. Pittura antika fuq l-injam li kienet f’din il-kappella kienet inġabet lejn iż-Żurrieq, għamlet żmien fil-kappella taċ-ċimiterju ta’ Bubaqra, imbagħad għal raġunijiet ta’ sigurtà ttieħdet fil-knisja parrokkjali fejn għadha sa llum.

Min-naħa l-oħra, waqt il-pesta tal-bidu tas-seklu dsatax, ċertu Ġanni Attard u l-familja tiegħu marru joqgħodu fuq Filfla u bnew razzett
żgħir. Jgħidu li llum mill-pedamenti tal-binjiet baqa’ biss fdalijiet.

Fuq Filfla jgħixu ħafna kreaturi fosthom bebbuxu u gremxul li huma endemiċi. Minħabba li l-gremxul ikabbar denbu waqt li jkun qiegħed jaqgħalu l-antik, f’xi waqtiet jista’ jidher b’żewġt idnub. Huwa għalhekk li n-nies jgħidu li l-gremxul ta’ Filfla għandu żewġt idnub. Imma din tista’ tiġri lil kull razza ta’ gremxul.

Maż-żmien Filfla saret riserva naturali u la ħadd ma jista’ jmur fuqha u lanqas hu permess sajd sa kilometru bogħod mix-xtut tagħha.

Aktar Episodji

Blog

IRREĠISTRA biex tirċievi l-aħħar aġġornamenti minn TVM

IRREĠISTRA HAWN