Bonġu Kafé
Kurżitajiet

Flusna

WAQT IL-KAFÈ… ma’ Joe Julian Farrugia

 

Eluf ta’ snin ilu, il-bdiewa kienu jpartu l-prodotti tagħhom bejniethom. Bidwi li pproduċa l-patata u ieħor li kabbar il-basal kienu jpartu bejniethom biex il-familji tagħhom ikollhom miż-żewġ prodotti. Jew bidwi kien ipartat ma’ sajjied biex it-tnejn ikollhom miż-żewġ produzzjonijiet rispettivi tagħhom. Maż-żmien iżda, inħolqu l-muniti ta’ valur biex it-tpartit beda jsir bihom u s-suq tat-trasferiment tal-prodotti beda jieħu aktar il-forma li nafu llum. Barra minn Malta instabu muniti li jmorru lura anki eluf ta’ snin qabel Kristu.

Il-muniti jsiru fiz-zekka. Anki r-Rumani fi żmienhom kellhom zekka. Fuq waħda mis-seba’ għoljiet ta’ Ruma, kien hemm it-tempju tal-alla Juno Moneta, li fih kien hemm iz-zekka ta’ Ruma. Minn hemm ħarġet anki l-kelma munita.

Fi żmien il-Kavallieri f’Malta kien hawn iz-zekka tagħhom u fil-Belt Valletta għad għandna triq imsemmija għaliha. Il-Maltin dejjem kellhom il-flus ta’ dawk li ħakmuhom. Uħud minna jiftakru flus l-Ingliżi. Kellna lira li tinqasam f’għoxrin xelin, xelin li jinqasam fi tnax-il sold, u sold li jinqasam fi tnax-il ħabba. Il-lira u n-nofs lira kienu tal-karti u kien hemm muniti bħal tmintax irbiegħi li kienet żewġ xelini u nofs, jew sikspenz, li kien sitt soldi jew nofs xelin. Kont żgħir ħafna u niftakar kont niggosta t-tliet soldi li kellha forma ta’ skorfina tar-ram.

Fl-1972 il-flus saru Maltin u konna nsejħulhom deċimali. Is-sistema saret eħfef għax Lira Maltija kienet tinqasam f’mitt ċenteżmu u ċenteżmu jinqasam f’għaxar milleżmi, minflok jinqasmu bit-tnax u l-għoxrin bħal qabel. Imma x-xjuħ ta’ dak iż-żmien xorta sabuha diffiċli biex jidraw. Għall-ewwel darba kellna karti u muniti sbieħ b’simboli Maltin fuqhom Kien hemm minnhom tondi, oħrajn skorfina u l-milleżmi kienu bil-pizzi. Għall-bidu l-Lira Maltija kienet karta sakemm maż-żmien saret munita wkoll bil-merill fuqha. Il-flus Maltin spiċċaw meta pajjiżna addotta l-Ewro.

Il-kelma “flus” insibuha f’xi qwiel tagħna wkoll. Minħabba l-ħtieġa tal-flus ngħidu:Bla flus la tgħannaq u lanqas tbus. Għal dawk li l-flus jużawhom biex jakkwistaw kollox, b’mod leċitu jew le, ngħidu: Bil-flus tagħmel triq fil-baħar. Ngħidu wkoll: Il-flus jagħmlu l-flus u l-qamel jagħmel il-qamel., jew inkella: Bil-flus ħadd ma jixtri l-ġenna… qwiel li malajr jiftiehmu hux tassew!

Aktar Episodji

Blog

IRREĠISTRA biex tirċievi l-aħħar aġġornamenti minn TVM

IRREĠISTRA HAWN