Joe Julian Filgħodu
Kurżitajiet

Franġisk

WAQT IL-KAFÉ… ma’ Joe Julian Farrugia

Imwieled fil-belt ta’ Assisi, iben is-sinjuri li ċaħad il-ħwejjeġ tad-dinja u neża’ saħansitra ħwejġu biex juri li ma hu marbut xejn mal-ġid materjali. Telaq mill-ġid ta’ dar missieru u nġabar fil-faqar barra l-belt, liebes l-ixkejjer iservi lill-imġiddma, dawk mitfugħa barra l-belt biex ma jtebbgħux lil ta’ ġewwa. Qaddis li jagħtina lezzjoni wara oħra dwar kif ngħixu l-imħabba… ċanfira umli anki lill-awtoritajiet reliġjużi meta jinsew jekk is-saltna mwiegħda hix fid-dinja jew le. Għax il-flus u l-ġid huma l-akbar tentazzjoni… għal kulħadd.

Imma l-akbar sinjal ta’ Franġisk, li baqa’ għaddej tul iż-żminijiet kollha, hu l-mod kif jittratta lin-natura. Lix-xemx u l-qamar isejħilhom ħutu, lill-annimali wkoll, lis-siġar, lill-fjuri, lill-ilma, lill-art, lill-baħar iqishom kollha bħala kollegi. Imma saħansitra min jikkwotah, din tal-aħħar ftit isegwuha, għax il-bniedem hekk jaqbillu.

Id-dinja ma nħolqitx għall-bniedem biss. Dik jgħidha l-bniedem, biex jismagħha l-bniedem sieħbu… li ma jaqbillu qatt imeriha. Il-bniedem għandu moħħ aktar minn ħlejjaq oħra, u użah kontra l-ħlejjaq l-oħra… għal kif jaqbel lilu. Il-bniedem juża lill-annimali biex jagħmel esperimenti, ħafna drabi biex iħaxxen butu, mingħajr ma jagħti kas x’uġigħ joħolqilhom. Il-bniedem jokkupa kull fejn ifettillu mingħajr ħsieb għall-ħlejjaq li minn dejjem kienu jgħixu fl-inħawi. Il-bniedem ibagħbas in-natura, anki l-istess mod kif jikber l-ikel li jiekol, biex ikabbar il-qliegħ tiegħu, anki b’detriment lill-istess natura li titimgħu, kultant anki b’detriment għall-bniedem stess, imma l-qliegħ jirbaħ fuq kollox. II-bniedem iħammeġ l-art, l-ibħra u l-arja bl-iskart żejjed li joħloq. U dan kollu biex ikabbar ġidu. Il-bniedem jimpurtah biss minnu nnifsu, anki f’pika ma’ bnedmin oħra.

Min hu l-aqwa jħawwel u l-vittma jibqa’ miskin, kemm bnedmin stess imma aktar u aktar il-ħlejjaq l-oħrajn. Il-bniedem egoist. M’hemmx kelma oħra. U għax għandu l-moħħ li hu kapaċi jikkontrolla d-dinja, għamilha tiegħu u tiegħu biss. Kultant anki bogħod mid-dinja jrid jagħmel tiegħu… għax ir-regħba m’għandha ebda tarf.

Blog

IRREĠISTRA biex tirċievi l-aħħar aġġornamenti minn TVM

IRREĠISTRA HAWN