Joe Julian Filgħodu
Kurżitajiet

Frans Baldacchino l-Budaj – it-tieni parti

WAQT IL-KAFÉ… ma’ Joe Julian Farrugia

 

Frans Baldacchino l-Budaj ma riedx li l-għana jibqa’ mwaħħal biss mat-tradizzjonijiet u meqjusa bħala xi ħaġa tal-imgħoddi.

Kien jiddejjaq ħafna li kont issib għannejja li jinqdew bl-għana biex jintilfu jgħajjru lil xulxin. Dan kien jirrendi l-għana bħala espressjoni vulgari u baxxa.

Mhux ta’ b’xejn li ħafna nies tbiegħdu mill-għana. Iżda l-għana ħaqqu aħjar u Frans ried ipoġġih fejn jixraq. Wara kollox l-għana huwa l-kant folkloristiku Malti u ebda pajjiż ieħor ma jistħi juri l-folklor tiegħu.

Ma hemm ebda dubju li kien bniedem intelliġenti u qatt ma ddejjaq ikompli jitgħallem. Dak li kien jaf kien jesprimih waqt l-għana. L-għana tiegħu dejjem fih ħsieb filosofiku. Għalhekk, mingħajr tgħajjir, bi ħsibijiet filosofiċi u bil-leħen tenorili tieghu, Frans offra l-aqwa ingredjenti biex kif kien jgħid hu stess, “l-għana nqala’ mill-irkejjen”.

Fl-Università, Frans għamel siegħa u nofs jgħanni u l-istudenti żgħażagħ baqgħu imwaħħlin isegwuh, tant li riedu aktar.

Kien l-ewwel wieħed li għanna waqt musical. F’L-Għarusa tal-Mosta, li kien sar f’Dar il-Mediterran, Frans ħa sehem bħala raħħal, il-ħaddar tat-tieġ, u bla dubju għanna wkoll.

Kienet novità li ntlaqgħet b’akklamazzjoni mill-udjenza preżenti. Minbarra l-għana, Frans għamel l-almu kollu tiegħu biex jirreċta tajjeb u żifen xi passi wkoll.

Frans ħa sehem ukoll fi tliet opri, kollha kemm huma għana. Dawn kienu saru fil-ġonna tal-Argotti waqt Iljieli Mediteranji.

Għall-bidu l-idea ta’ opra bil-għana ma tantx niżlet mal-għannejja sħabu, iżda Frans irnexxielu jikkonvinċihom u ma saritx opra waħda iżda tlieta, fi tliet snin wara xulxin. Din kienet innovazzjoni oħra li permezz tagħha l-għana laħaq udjenzi li mhux soltu mdorrijin fih.

Huwa rebaħ anki festival tal-kanzunetta bil-għana. Fl-2001 ħa sehem ma’ Priscilla Psaila fl-Għanja tal-Poplu b’Tisimgħu Tissaħħar. Hija kanzunetta li taqleb bejn mużika kontemporanja u l-għana miktuba minn Frans u Priscilla stess.

Is-sena ta’ wara, l-organizzaturi tal-Għanja tal-Poplu onoraw lil Frans bil-premju L-Għanja li Tibqa’.

Ħa sehem f’ħafna attivitajiet u serati, imma mument li baqa’ għal qalbu ħafna kien il-kunċert ta’ Maria Muscat magħrufa bħala La Barokka. Maria hija ġara ta’ Frans u flimkien saħħru lill-udjenza bil-verżjoni tagħhom ta’ L-Aħħar Bidwi f’Wied il-Għasel.

Frans kien iħobb ħafna żaqqu. Diġa semmejt li meta kien tifel kien jaħbi l-patata moqlija fil-but biex jieħu aktar minn ħutu. U meta kiber baqa’ l-istess.

Għalxejn it-tabib kien jgħidlu u jwissieh biex joqgħod ftit lura mill-ikel. Kellu ħabta joħroġ jiekol barra bil-moħbi, biex martu Pawla ma tindunax u ma tinkwetax! Min jaf kemm-il darba jkun xi mkien mal-ħbieb u jkun irid jidħol xi mkien jiekol avolja jkun sejjer id-dar f’ħin l-ikel. U kif imur id-dar jilgħabha li għadu ma kielx, u jerġa’ jiekol.

Ma kellu ebda limitu fl-ikel. Ġieli anki xtara landa kbira tal-frott fix-xiropp u jikolha kollha. Darba lanqas waqt wirja tal-Ġimgħa Mqaddsa ma seta’ joqgħod lura milli jnaqqar. Kienet armata mejda tal-Appostli, ra t-tin taċ-ċappa u ħadilhom biċċa.

Anki mal-lejl kien iqum jiekol. Darba qam jiftaħ il-friġġ u fid-dlam waqqa’ xi ħaġa. Bil-ħoss qamet martu Pawla li staqsietu x’ġara. Frans malajr waħħal fil-kelba tiegħu Kikka, biex ma jeħilx hu! Din Kikka kienet il-mimmi ta’ għajnejh.

Kien iħobb iċ-ċajt u jħobb jara min jidħak. Id-dar kien joqgħod jilbsilhom ta’ mara jew jikkumiedja biex jara lil kulħadd ferħan.

Minbarra l-għana, kien iħobb ġeneri differenti ta’ mużika. Fost oħrajn kien iħobb ukoll l-opra. Meta kien żgħir kien joqgħod ikanta l-opri f’kamartu, imma meta kiber l-opra kien jismagħha biex jirrilassa.

It-tenuri favoriti tiegħu kienu Placido Domingo, Luciano Pavarotti u Joseph Calleja. Kellu xewqa kbira jattendi għall-ewwel kunċert ta’ Calleja, iżda dan ma kellux ikun.

Kmieni f’Ġunju 2006, Frans kien il-Marsa għal attività għall-karità. Wara li għanna ħassu għajjien. L-għada ħassu ħażin u kellu jiddaħħal l-isptar. Huwa miet fil-21 ta’ Ġunju 2006, fl-eta ta’ 63 sena.

Snin qabel Frans kien għanna:

META N-NIFS LI TANI ALLA
JIĠI Ż-ŻMIEN BIEX JOĦODULI
JIEN NISTIEDEN LILL-GĦANNEJJA
JIĠU WRAJJA BIEX JGĦANNULI

Fi tmiem il-quddiesa tal-funeral… minkejja li l-għannejja ma tħallewx jgħannu fil-knisja, għannewlu fuq iz-zuntier. B’hekk seħħet ix-xewqa tiegħu…

Illum, fir-Razzett tal-Markiż fil-Mosta hemm bust tiegħu u ħwejġu esebiti. U f’raħal twelidu, fil-kwiet ta’ Ġnien il-Kmandant fiż-Żejt hemm wieqaf mafkar biex żgur ħadd ma jinsa l-ġid kbir li għamel il-Budaj lill-folklor tagħna.

Blog

IRREĠISTRA biex tirċievi l-aħħar aġġornamenti minn TVM

IRREĠISTRA HAWN