Joe Julian Filgħodu
Kurżitajiet

Frans Baldacchino l-Budaj – l-ewwel parti

WAQT IL-KAFÉ… ma’ Joe Julian Farrugia

 

L-għana Malti ġej minn madwarna. Huwa taħlita tal-folklor li wasal Malta minn dawk il-ġirien li kienu jżuruna, kemm mill-Ewropa t’Isfel kif ukoll mill-Afrika ta’ Fuq.

Huwa mezz ta’ komunikazzjoni u mod kif ġenerazzjoni kienet tirrakkonta l-istejjer, ġrajjiet u ħrejjef lil uliedha, biex ma jintilfux.

Huwa mezz kif in-nies kienu jikkomunikaw b’mod artistiku, b’għanjiet li jixhdu l-ħajja tar-raħħal, tas-sajjied, ġrajjiet ta’ niket, oħrajn ta’ ferħ, oħrajn dwar it-twemmin. Kien hemm żmien, iżda, meta l-għana beda jitqies bħala xi ħaġa baxxa, ħamalla u vulgari.

Iżda kontra dan kollu, kien hemm bniedem li mhux biss ipprova kemm dan mhux minnu, iżda daħħal l-għana fl-ogħla istituzzjonijiet ta’ Malta. Dan huwa Frans Baldacchino il-Budaj.

Frans Baldacchino twieled nhar is-16 ta’ Mejju 1943 fiż-Żejtun, raħal magħruf bħala l-benniena tal-għannejja, għax minn hemm ħarġu wħud mill-aqwa għannejja ta’ pajjiżna.

Kien il-ħames fost sitt aħwa, magħrufin bħala Tal-Parenta, ulied Manwel u Rita mwielda Scrofna. Missieru kien jaħdem mal-Air Force u ommu kellha ħanut tal-minċotti u l-buttuni fi Triq il-Kbira.

Frans kien tifel imqareb. Kien jittanta lil kulħadd u fil-ħanut tal-familja mhux darba ħa l-flus bil-moħbi mill-kexxun biex imur jixtri xi ġelat.

Żaqqu kien iħobbha miċ-ċkunija u biex jieħu xi ftit patata moqlija iktar minn ħutu, ġieli kien jaħbiha fil-but biż-żejt b’kollox. U lil nanntu ġieli kililha l-istuffat tat-tonn mielaħ jew tal-bakkaljaw ukoll!

L-għana dejjem kien jogħġob lil Frans imma missieru xejn ma kien iħobb il-ħwienet u l-każini. Għalhekk it-tfajjel kien ikollu jmur bil-moħbi f’xi ħanut biex jisma’ l-għana. Darba nduna missieru, ħadha bi kbira, taħ xebgħa u ma ħallihx joħroġ għal xi żmien.

Minkejja li beda jikber, Frans baqa’ mqareb. F’żogħżitu ġratlu biċċa u baqa’ jgħoddha b’waħda.

Darba kien ma’ sħabu qed jilgħab il-ballun fil-pjazza taż-Żejtun u l-ballun marilhom f’xi ġnien viċin. Mar biex iġib il-ballun, kien hemm wire mikxuf u ħa xokk li sabbtu waħda sewwa.

Huwa kien jilgħab il-futbol ukoll maż-Żejtun Corinthians, l-istess bħal ħuh Joe. Frans baqa’ jilgħab sakemm kellu xi 18-il sena.

Fis-snin ħamsin ġie jilgħab f’Malta t-tim Ungeriż ta’ Honved. L-eroj ta’ dan it-tim kien il-player Laszlo Budai.

Minħabba li ħu Frans, Joe, kien jilgħab il-ballun ukoll, fiż-Żejtun, lil Joe, qalgħuhielu Budaj. U minħabba l-laqam ta’ ħuh, lil Frans bdew jgħidulu l-Budaj iż-żgħir. B’hekk minn Tal-Parenta, Frans baqa’ magħruf bħala il-Budaj.

F’żgħożitu Frans kellu l-vokazzjoni li jidħol patri. Fil-fatt kien beda n-novizzjat mal-patrijiet tas-Soċjetà Missjunarja ta’ San Pawl tar-Rabat. Iżda wara sena ħareġ u bħalma għamlu ħafna żgħażagħ fi żmienu, iddeċieda li jemigra lejn l-Awstralja.

Il-fatt li ma baqax novizz ma jfissirx li tbiegħed minn Alla. Għal Alla dejjem kien hemm post speċjali f’qalbu. Kellu quddiesa sħiħa bil-għana u anki ħareġ żewġ kotba ta’ poeżiji dwar il-Mulej.

Frans mar l-Awstralja meta kellu 20 sena. Kien hawn eżodu sħiħ ta’ żgħażagħ li kienu jmorru jfittxu xortihom hemmhekk. Xi ħaġa li Frans għamel fl-Awstralja u f’Malta qatt ma għamilha hija s-sewqan. Fl-Awstralja ma kienx jibża’ jsuq imma t-toroq ta’ Malta kienu jbeżżgħuh wisq.

Frans ġie lura Malta mal-familja fl-1975 u mar joqgħod f’Birkirkara. Kellu garaxx u hemm kien iqatta’ ħafna ħin. U l-ħin ma kienx iqattgħu biss jgħanni, jisma’ jew iqabbel l-għana. Frans kien ipitter u anki jiskolpixxi statwi żgħar. Kellu aktar minn talent wieħed. U ħaġa tal-għaġeb, bniedem li qrabatu jgħidulek li kien nervuż, waqt l-għana u l-pittura kien ikun kalm ħafna.

Fl-1992, lil Frans ġietu opportunità mhux tas-soltu. Malta kienet mistiedna tieħu sehem f’festival folkloristiku tal-Mediterran fi Franza, u ntbagħat hu.

Minħabba x-xebħ fil-lingwa, Malta tpoġġiet mal-Libanu u Frans għanna nofs siegħa sħiħa. Huwa tant impressjona li talbuh iqatta’ jumejn oħra hemmhekk biex jirrekordja CD.

Dak iż-żmien f’Malta kien hawn min jistħi jesponi l-għana; aħseb u ara nagħmlu CD. Imma dak li m’għamlux il-Maltin, għamluh għalina l-barranin.

Minn dakinhar, Frans beda jkun apprezzat aktar anki f’pajjiżna stess. Is-suċċess fi Franza mhux biss għamlu iktar popolari, iżda beda jkun mistieden f’postijiet fejn qabel lanqas kont toħlom li tieħu l-għana.

L-għana li qabel kien ristrett biss għat-tverni tal-inbid, bis-saħħa tal-Budaj daħal ukoll fil-Palazz tal-President u fl-Università.

 

Blog

IRREĠISTRA biex tirċievi l-aħħar aġġornamenti minn TVM

IRREĠISTRA HAWN