Bonġu Kafè
Kurżitajiet

Frenċ tal-Għarb

WAQT IL-KAFÉ… ma’ Joe Julian Farrugia

Semmewh Francis Xavier, imma għal sħabu l-Għawdxin u r-raħlin tal-Għarb kien Frenċ… Frenċ tal-Għarb. Kien it-tmien wild minn tnax tal-koppja Salvu u Beneditta magħrufin bħala Tas-Sajf. Twieled fit-3 ta’ Diċembru 1892 f’din il-familja ta’ bdiewa. F’dak iż-żmien f’Għawdex ma kienx hemm xogħol. Ħlief bdiewa, raħħal, nies fil-barrieri u sajjieda ma kontx issib. Infatti maż-żmien, numru sostanzjali ta’ Għawdxin kellhom jemigraw biex ikunu jistgħu jgħixu.

Frenċ kien jaħdem l-għelieqi ma’ missieru u ħutu. Mar l-iskola biss sa meta kellu 12-il sena. Kien jieħu sehem fit-teatrin tar-raħal tiegħu u baqa’ ġuvni ħajtu kollha. Tilef lil missieru meta kellu 25 sena u baqa’ jgħix m’ommu. Kien Nisrani ferventi, membru fl-Azzjoni Kattolika u devot ħafna tal-Madonna ta’ Pinu.

Imma ħajjet Frenċ kienet dejjem fl-għelieqi. U tant kienu jinteressawh ix-xtieli u pjanti li kien ikabbar hu u anki dawk li jikbru waħedhom. Kellu għarfien kbir dwar il-qawwiet mediċinali f’dawn il-ħxejjex. Kienu jmorru jfittxuh ħafna nies biex isibilhom fejqan għal xi uġigħ permezz tal-ħxejjex u kura naturali. Iżda Frenċ kien jgħidilhom li mhux biss il-ħxejjex ifejqu, imma l-fidi fil-Madonna.

Il-kelma dwar il-fejqan minn Frenċ malajr xterdet u anki Maltin kienu jmorru Għawdex biex jiltaqgħu miegħu. Infatti nies mill-Għarb jgħidulek li wara ġurnata xogħol fil-kampanja, Frenċ dejjem kien isib in-nies jistennewh maġenb daru biex jaqsmu miegħu xi uġigħ u jitolbu l-għajnuna tiegħu. U frenċ ġieli kien jinduna xi tkun il-problema qabel jgħiduhielu.

Naturalment, prattika bħal din kemmxet xufftejn xi wħud. Il-professjoni medika kienet xettika u mħassba dwar il-fejqan li kien jagħti. Ħafna nies morda kienu jmorru għandu qabel ifittxu tabib. Frenċ tressaq il-qorti fl-1938 mixli bi prattika medika bla awtorizzazzjoni. Instab ħati imma ma weħel xejn minħabba l-kondotta nadifa. Xorta iżda n-nies baqgħet tirrikorri għandu għall-fejqan. Huwa qatt ma aċċetta flus u kull donazzjoni kien jgħaddiha lis-Santwarju Ta’ Pinu.

Xewqa kbira li kellu Frenċ kienet li jsiru statwi tal-Via Sagra fuq l-għolja quddiem is-Santwarju, u maż-żmien dawn saru.
Frenċ miet fid-19 ta’ Mejju 1967. Id-dar tiegħu saret mużew dwar ħajtu.

Blog

IRREĠISTRA biex tirċievi l-aħħar aġġornamenti minn TVM

IRREĠISTRA HAWN