Bonġu Kafé
Kurżitajiet

Ful u ċiċri u karawett

WAQT IL-KAFÉ… ma’ Joe Julian Farrugia

 

Kienet għajta popolari. Kont tara xi raġel, kultant anki tifel, iġorr qoffa tal-qasab kbira mimlija ġid fuq ġenb minnhom għaddej jgħajjat b’ħanġra daqsiex forsi jbiegħ xi ħaġa. U l-għajta mhux dejjem kienet tkun l-istess. Kultant kont issib min “Ful u ċiċri u karawett” kien jgħajjatha “Ful u ċiċri u karawije.”

Kont tarah il-grawnd għaddej bejn filliera u oħra tal-partitarji jew fuq xi ramla fis-sajf jipprova jsib il-bejgħ. Kien ikollu boroż żgħar bil-ful inkaljat, dak l-iebes li jkissirlek snienek biex tipprova tigdmu. Bħala tifel iċ-ċiċri l-aktar li kont inħobb. Ma kienx ibiegħ ċiċri bil-qatta, dawk kont inħobbhom ukoll, imma kien ibiegħ ċiċri niexfa jew inkella, itjeb, ċiċri miksija bil-ġelu, ħelwin u ta’ kull kulur.

Imbagħad kien ikollu l-karawett bil-qoxra. Kull fejn kien idur kont tara nies jixtru minn dal-karawett biex joqgħodu jqaxxruh u jieklu… u ħafna kienu jħallu mandra ta’ qxur warajhom, speċjalment il-grawnd fejn ħafna kienu jinfexxu jqaxxru l-karawett biex jiżvugaw in-nervi waqt xi partita taħraq.

Jgħidu li fl-imgħoddi, qabel dan il-bejgħ kien isir fil-boroż tal-plastik, il-bejjiegħ kien ikejjel bil-kejla u jagħtik sehmek f’karta strazza f’forma ta’ qarn, qisu cone tal-ġelat. U jgħidu wkoll li kien iżomm il-muniti u l-bqija ġo maktur u jitfgħu fis-sidrija biex ma jaqgħalux hekk kif jerġa’ jerfa’ l-qoffa u jfittex lil xi ħadd ieħor min jixtri.

Niftakar raġel partikolari li kont tarah kullimkien. U ta’ tfal li konna l-għajta tiegħu kienet tiġbdilna l-attenzjoni u mhux l-ewwel darba konna noqgħodu nimitawh… u ħallih iħares ħa jara b’dik l-għajta tagħna hemmx xi ħadd qed isejjaħlu għax irid jixtri. Aħna konna nħarsu lejh, u la rnexxielna niġbdulu l-attenzjoni, ninfaqgħu nidħku.

Inkella, hu u għaddej ifittex min jixtri mingħandu, ġieli konna nsejħulu; “Tal-ful, għandek ċiċri? Tini ponn karawett!” Kien jitbissem għaċ-ċajta, jagħtina l-karawett, inħallsuh u jmur ikompli jsib il-bejgħ tal-ġurnata.U jkunh ħaqqu miskin wara li jdum idur iqandel il-qoffa tqila f’xi ġurnata xemx.

Kemm kont inħobbu l-karawett… u għadni.

Aktar Episodji

Blog

IRREĠISTRA biex tirċievi l-aħħar aġġornamenti minn TVM

IRREĠISTRA HAWN