Joe Julian Filgħodu
Lokali

Fuq it-Taljan

WAQT IL-KAFÉ… ma’ Joe Julian Farrugia

Fis-snin sittin u sebgħin, ma kellniex in-numru kbir ta’ stazzjonijiet televiżivi li nistgħu insegwu llum. U t-televixin ma kienx ixandar il-ħin kollu. L-istazzjon Malti kien jiftaħ fis-sitta ta’ filgħaxija sakemm kienu bdew xandiriet aktar kmieni fi tmiem il-ġimgħa. Imma minbarra l-Malti konna nistgħu naraw biss fuq it-Taljan. Kellek il-frekwenza Nazionale u s-Secondo, it-tnejn tar-Rai.

It-televixin ma kienx tal-kulur, imma kien it-tieqa tagħna fuq id-dinja. Minn fuq it-Taljan konna nsegwu aħbarijiet internazzjonali, ħafna qabel ma jxandarhom l-istazzjon Malti. Konna naraw filmati diretti minn kullimkien u fi żmien meta l-futbol kont tarah ħafna wara li diġa tkun taf ir-riżultat, meta kien jilgħab it-tim nazzjonali Taljan, konna narawh in diretta!

Fuq it-Taljan konna naraw ħafna programmi sbieħ, informattivi u ta’ divertiment. Niftakar fost ħafna oħrajn La Corrida fil-bidu tiegħu, Zecchino d’Oro, Carosello u s-Sibt wara nofsinhar Oggi le Comiche b’siltiet komiċi ta’ żmien Charles Chaplin u Laurel & Hardy.

Fuq kollox mill-Italja konna nsegwu spettakli mużikali kbar kif jafu jagħmluhom it-Taljani. Konna nsegwu l-Festival ta’ San Remo li dak iż-żmien kien isir fil-Casino tal-belt ta’ San Remo. Konna naraw Un Disco per l-Estate, San Vincent u festivals oħrajn tal-kanzunetta Taljana.

Imma festival li kien isir propju għat-televixin kien Canzonissima. Kien isir minn studjo kbir televiżiv u jixxandar kull nhar ta’ Sibt filgħaxija. Kienu jitkantaw kanzunetti ġodda mill-aqwa kantanti Taljani u dawk li jgħaddu għall-finali, li dejjem kienet issir fis-6 ta’ Jannar, kienu jissieltu għar-rebħ tal-unur. Niftakar lil Corradi jippreżenta u maġenbu Raffaella Carra li kienet tkanta u anki tiżfen is-sigla tal-programm… biż-żokra barra! Naħseb kienet l-ewwel waħda li kienet tidher fuq it-televixin biż-żokra barra, u allura aħna s-subien ma konniex nitilfu Canzonissima wieħed!

Imbagħad daħal il-pluraliżmu fl-Italja u minn Sqallija bdew jinqabdu aktar stazzjonijiet. Kien hawn min waħħal booster jew apparat biex idawwar l-aerial biex jara aktar ċar… għax l-istazzjonijiet żgħar Sqallin kienu magħrufa li juru ħafna aktar miż-żokra…

Blog

IRREĠISTRA biex tirċievi l-aħħar aġġornamenti minn TVM

IRREĠISTRA HAWN