Joe Julian Filgħodu
Kurżitajiet

Ganutell

WAQT IL-KAFÉ… ma’ Joe Julian Farrugia

F’ħafna knejjes tara dawk il-bukketti kbar fuq l-artal, simetrikament b’l-istess numru ta’ bukketti fuq naħa daqs kemm ikun hemm fuq in-naħa l-oħra mimlijin fjuri magħmulin minn ħajt fin, ġieli anki tad-deheb. Ġieli naraw minn dawn il-fjuri anki madwar xi vara jew fiċ-ċokon ħdejn xi Bambin.

Meta tarahom mill-qrib ma tistax ma tapprezzax kemm xogħol irqiq, fin u ta’ paċenzja fihom biex isiru. Din it-tip ta’
sengħa tissejjaħ ganutell.

Il-kelma ganutell ġejja mit-Taljan, mill-kelma cannotiglio li tfisser fjuri artifiċjali maħduma fuq metall irqiq. Infatti jidher ċar li din is-sengħa ġiet f’pajjiżna propju mill-Italja fis-seklu tmintax. Huwa maħsub li din it-tradizzjoni nġabet Malta mis-sorijiet li kien jagħmlu dan ix-xogħol biex iżejnu l-knejjes.Probabbli li llum din is-sengħa f’Malta saret popolari aktar milli hi fl-Italja stess. Infatti llum hija meqjusa bħala sengħa Maltija. Hija sengħa li fiha jintużaw ħajt tal-ħarir, żibeġ u wajers irqaq ħafna tal-metall.

Il-wajer jagħti l-forma tal-petala jew werqa biex imbagħad jinħadem il-ħarir ikkulurit irrakmat fuqu biexjimla’ l-ispazju tan-nofs bejn il-wajer. Dan il-wajer jintuża jew singlu inkella mibrum b’aktar minn wajer wieħed f’forma ta’ ħabel skont it-toqol u l-kobor tal-fjura partikolari. Fl-aħħarnett, jiżdiedu madwar il-bukkett żibeġ jew saħansitra perli biex jagħtu dimensjoni isbaħ u aktar sinjura lill-prodott finali.

Issib knejjes li jużaw settijiet ta’ bukketti tal-ganutell apposta għall-festi. Hemm min għandu sett għal matul is-sena imbagħad ieħor isbaħ u aktar speċjali li joħorġuh biss għall-festa tar-raħal, il-Milied u l-Għid il-Kbir. Hawn min iżejjen bil-ganutell anki fid-dar. Issib min għandu l-ganutell biex iżejjen xi ritratt tat-tieġ jew xi xbieha ta’ xi qaddis. Naturalment dawn kollha jkunu magħluqa fil-ħġieġ biex ikunu protetti mit-trab. Hawn min għandu xi bukkett tal-ganutell magħluq fi struttura tonda tal-ħġieġ, qisha bozza kbira.

Illum m’għadekx issib ħafna nies jaħdmu l-ganutell imma l-interess fil-ġmiel ta’ din is-sengħa ġiegħel li jinbdew korsijiet ta’ tagħlim biex din it-tradizzjoni ma tmutx.

Blog

IRREĠISTRA biex tirċievi l-aħħar aġġornamenti minn TVM

IRREĠISTRA HAWN