Bonġu Kafé
Kurżitajiet

Ġbejniet

WAQT IL-KAFÉ… ma’ Joe Julian Farrugia

Ħadd ma jaf kemm ilhom isiru, imma l-produzzjoni tal-ġbejniet qisha parti integrali mill-ħidma tar-raħħala Maltin u Għawdxin. L-aktar ġbejniet magħrufin huma dawk magħmula mill-ħalib tan-nagħaġ. Imma ssib ġbejniet tal-ħalib tal-mogħoż u tal-baqar ukoll. Kollha għandhom it-togħma partikolari tagħhom imma kollha jixhdu t-tjubija tal-ikel Malti.

Il-kelma ġbejna hija d-diminuttiv ta’ ġobna. F’Għawdex jgħidulha ġibna. F’ħafna pajjiżi u reġjuni jagħmlu l-ġobon tagħhom u l-ġbejniet huma tagħna. Isiru mill-ħalib, melħ u tames, jiġifieri l-likwidu aċiduż tal-istonku tal-annimal. Jgħidu li fil-passat kien hemm min juża ilma baħar minflok tames. It-tliet ingredjenti jitħalltu, jissaħħnu u t-taħlita tibda tagħqad. Imbagħad titqatta’ u titpoġġa fi qwieleb żgħar li jagħtu lill-ġbejniet il-forma tagħhom. Illum issib qwieleb tal-plastik, imma fl-imgħoddi dawn kienu jsiru mill-qasab irqiq.

Jekk ikunu se jintużaw friski, bħal fis-soppa tal-armla, tista’ tużahom mal-ewwel jew fi ftit jiem wara li tpoġġihom fil-friġġ. Jekk ikunu se jitnixxfu, jitpoġġew f’xi post arjuż imma protett minn xi xibka rqiqa. Hawn min jagħmilhom f’xi kamra bix-xibka fit-twieqi, jew f’xi kaxxa tal-injam qisha gaġġa miksija bix-xibka li jpoġġuha barra għax-xemx. Ix-xibka importanti minħabba l-insetti li togħma tant bnina tiġbidhom mhux ftit. Maż-żmien il-ġbejniet jinxfu u jsiru ġbejniet moxxa, inkella jitfgħulhom il-bżar iswed u jsiru ġbejniet tal-bżar.

Għall-ġbejniet hawn min juża ħalib pastorizzat minħabba l-istorja tad-deni rqiq f’pajjiżna. Imma r-raħħala għadhom jippreferu ħalib mhux pastorizzat għax jgħidu li kemm il-mod kif jagħqad il-ħalib kif ukoll it-togħma jkunu differenti. Għaldaqstant ir-raħħala jagħtu ħafna kas li l-merħla tagħhom tkun f’saħħitha biex ma jkunx hemm problemi.

Il-ġbejniet moxxa jew tal-bżar jinżlu għasel ma’ xi platt kiesaħ bħal xi insalata jew ma’ xi ftira biż-żejt. Illum jintużaw f’ħafna riċetti bħall-għaġin b’togħma Maltija biz-zalzett u l-ġbejniet tal-bżar. Xi tjubija!

Ngħiduha kif inhi… tkunx ta’ bżar jew le, tieħu pjaċir dejjem meta jkollok ġbejna fil-platt. Imma ma tiħux pjaċir jekk jgħidulek li qisek ġbejna!

Aktar Episodji

Blog

IRREĠISTRA biex tirċievi l-aħħar aġġornamenti minn TVM

IRREĠISTRA HAWN