Joe Julian Filgħodu
Kurżitajiet

Gemma Portelli – it-tieni parti

WAQT IL-KAFÉ… ma’ Joe Julian Farrugia

Waqt it-tisjir fid-dar, Gemma Portelli qatt ma kienet titlef ħin. Araha dejjem bit-tape recorder maġenbha tisma l-linji ta’ xi reċta biex titgħallimhom. Kienet tirrekordja l-vuċijiet kollha, anki tal-atturi l-oħrajn, biex toqgħod tismagħhom waqt li ssajjar.

Gemma kienet magħrufa li tiftakar il-linji tajjeb ħafna, Infatti meta l-atturi sħabha kien ikollhom aptit jaqbdu magħha, kienu jagħmlu tabirruħhom li tfixklet il-linji. Imma fil-fatt kienet tkun ftakrithom sew! Biex jinkuha ġieli anki kienu jaħbulha xi kappell jew xi parti mill-kostum. Insomma ċajt komuni ħafna wara l-kwinti.

Gemma kienet tħobb tpinġi u tistad. Waqt it-tpinġija u s-sajd tkellimhiex! Anki waqt xi ħjata, kienet tinsa’ kollox u lil kulħadd. Kienet tistad bil-qasba minn fuq l-art biss, għax fuq dgħajsa kienet tibża’ li jdardarha l-baħar. Imma minkejja li kienet tħobb tistad ħafna, il-ħut li kienet taqbad kienet tieklu waħedha. Tal-familja kienu jippreferu meta kienet issajrilhom xi koxxa tal-majjal il-forn jew xi lemon meringue!

Gemma kien ikollha ħafna impenji barra d-dar. Mhux l-ewwel darba li kellu jsajjar żewġha Paul. Speċjalment meta kienet tippreżenta fuq ix-xandir, kienet tgħaddi ħafna ħin barra d-dar u t-tfal kienu jaslu mill-iskola waħedhom. Imma Gemma kienet tara li ma jonqoshom xejn u qabel toħroġ kienet tħallilhom kollox lest, sat-tazzi u l-melħ u l-bżar fuq il-mejda biex tpatti għan-nuqqas tagħha.

Gemma sabet spalla tajba lil żewġha Paul. Kien jgħinna f’kollox kemm fid-dar u kif ukoll fuq il-palk. Ġieli ma qablux, għax hi kienet nervuża u hu kalm iżżejjed, imma skont kif kienet tgħid Gemma stess, “fuq l-imħadda nirranġaw kollox!” Paul u Gemma kienu jagħtu divertiment f’night clubs lokali, fuq mezzi tax-xandir u anki lill-emigranti Maltin bogħod minn xtutna.

Diġà semmejt kemm fil-karattru Gemma u Paul kienu differenti. Paul kien kalm f’kollox minbarra fil-futbol. Meta kienu jilgħabu t-Taljani jew il-Juventus, kien joqgħod waħdu bil-bieb magħluq jitbaqbaq u jħaqqaqha mar-referee.

Gemma kienet tinduna li se joqgħod ipejjep ħafna u allura kienet tnaddaflu l-ashtray qabel tibda l-logħba biex wara tkun tista’ tgħoddlu kemm pejjep. Imbagħad wara l-logħba, Gemma erħilha tagħmel reċta sħiħa: “Imissek tistħi! Taf kemm daħħakt nies, jaħsbuna qed niġġieldu? Issa r-referee qed jisimgħek?” U wara li tgħodd il-fdal tas-sigaretti fl-ashtray, tissokta: “Imissek tistħi! F’siegħa u nofs pejjipt dawn kollha!” Meta Paul qata’ s-sigaretti, waqt xi partita kien jinfexx fil-ħelu. U biex Gemma ma tgergirx, kien jaħbi l-ħelu bejn l-imħaded tas-sufan.

Gemma tant kien ikollha x’tagħmel li bilfors kienet tagħmel kollox bl-għaġġla u bit-tferfix. Mhux l-ewwel darba li marret tistenna tal-linja u tinduna li tkun ħarġet bil-papoċċ ta’ ġewwa.

Gemma ħaditha bi kbira meta miet Paul fl-2001. Hi kellha problemi f’saħħitha diġà u aktar marret lura. Tant kien ifissidha u jagħmel kollox kif tixtieq hi li mingħajru d-differenza kienet kbira wisq. Hija waqfet mir-reċtar għal xi żmien sakemm Charles Stroud iddeċieda li jerġa’ jagħmel F’Baħar Wieħed għal Net Television. Lino Grech aċċetta li jerġa’ jaħdimha ta’ Pinu biss jekk Gemma taħdem il-parti ta’ Ġoma. Stroud talab lil bint Gemma, Cora, biex tikkonvinċi lil ommha.

Għall-bidu, Gemma ma riedet b’xejn, iżda wara xi ġranet ħasbitha u aċċettat. U lanqas temmen li wara dawk is-snin kollha, meta reġgħet bdiet tistudja l-linji, ftakret ħafna minnhom minn xi tletin sena qabel. U fix-xena tal-mewt ta’ żewġha Pinu, Gemma bkiet veru għax ftakret fil-mewt ta’ żewġha Paul.

Gemma Portelli rċeviet il-Midalja għall-Qadi tar-Repubblika fis-sena 2000. U fl-2007 rebħet l-ewwel Charles Arrigo Lifetime Achievement Award waqt il-Malta TV Awards.

L-aħħar filmat li rreċtat għalih Gemma kien waqt is-serje Ta’ Ħorrox Borrox. Fost oħrajn kellha parti ta’ pazjenta fl-isptar u x-xena nġibdet waqt li Gemma kienet verament pazjenta fl-isptar. Ħafna mix-xeni kienet ġibdithom dejjem bilqiegħda u għalkemm kienet tkun muġugħa, xorta għamlet ħilitha kollha, u ma’ sħabha l-atturi, xi ċajta ma naqset qatt.

Gemma Portelli mietet nhar il-21 ta’ Frar 2008 fl-età ta’ 75 sena.

L-attriċi tmut imma l-partijiet u karattri li tkun tat lill-kultura popolari ma jmutu qatt. Id-divertiment u l-umoriżmu tagħha diffiċli jintesa’. Min jaf kemm nies kien ikollhom xi problema u mnalla tkun ċajta tagħha biex il-ħajja ma tkunx dmugħ biss. Għalhekk diffiċli tintesa’ Gemma Portelli.

 

Blog

IRREĠISTRA biex tirċievi l-aħħar aġġornamenti minn TVM

IRREĠISTRA HAWN