Joe Julian Filgħodu
Kurżitajiet

Gemma Portelli – l-ewwel parti

WAQT IL-KAFÉ… ma’ Joe Julian Farrugia

Attriċi tajba kapaċi taħdem partijiet li tant isiru popolari li n-nies jibdew isejħulha aktar b’isem il-karattru milli b’isimha propja. Imma la tkun attriċi tajba, taħdem partijiet oħrajn, karattri differenti li juru d-dinamiżmu u l-kapaċità tagħha bħala attriċi.

Hekk ġara lill-attriċi Maltija, sa mill-ewwel teleserje fuq it-televiżjoni f’Malta, Gemma Portelli

Gemma Schembri twieldet fit-30 ta’ Settembru 1932 fil-Belt Valletta, bint Paul u Mary mwielda Tonna. Il-koppja Schembri kellhom 15-il wild li minnhom 3 mietu fit-twelid.

Minbarra Gemma kellhom ukoll lil Maria, Polly, Tancred, John, Jessy, Tony, Doris, Vincent, Lino, Lolly u Connie. Mhux l-ewwel darba li ommhom Mary kienet titfixkel l-ismijiet bejn uliedha stess.

Minn kmieni Gemma wriet ħeġġa għall-palk u fi tfulitha ħadmet parti ta’ anġlu żgħir fit-Teatru Rjal. Fil-gwerra, imbagħad, il-familja Schembri marret ir-Rabat u hemm Gemma kienet tmur l-iskola tas-St Joseph. Hemmhekk, anki fix-xelter, kienet tirreċta ma ħutha Lino u Connie għall-ġirien waqt li barra l-bombi neżlin.

Wara l-gwerra, l-familja ta’ Gemma ma marritx il-Belt iżda marru joqgħodu f’dar fi Triq Imrabat f’Tas-Sliema. Hemm Gemma bdiet tattendi l-iskola St. Catherine’s. Id-dar fejn marru tant kienet kbira li f’parti minnha kien hemm anki palk u l-aħwa Schembri, Gemma, Connie, Lino u Maria, kienu jorganizzaw varjetajiet żgħar għall-ħbieb. Gemma kienet tkanta kif ukoll tirreċta.

Wara l-iskola, Gemma kienet taħdem fl-Uffiċċju tal-Passaporti. Kienet għarusa imma meta l-affarijiet ma kienux sejrin tajjeb, inbidel kollox meta l-familja ta’ ċertu Paul Portelli marret toqgħod Tas-Sliema wkoll. Gemma u Paul iltaqgħu għall-ewwel darba waqt it-tennis. Paul kien jattendi l-iskola ma’ ħu Gemma, Lino, u minbarra li kien imur id-dar tagħhom idoqq waqt il-varjetajiet li kienu jorganizzaw l-aħwa bejniethom, beda jdoqq ukoll lil Gemma u Connie bħala The Schembri Sisters f’serati għall-pubbliku.

F’Ottubru tal-1956, Gemma u Paul iżżewġu. Kienet għadha kif mietet omm Gemma ftit xhur qabel imma kellhom kollox ippreparat u ma għamlu xejn bi kbir. Huma kellhom żewġ ulied: Martin u Cora. Martin emigra u Gemma ħaditha bi kbira.

Fl-1957 Gemma daħlet mar-Radju Muskettieri ta’ Charles Clews u l-bella kumpanija fuq ir-Rediffusion. Kien programm li dam snin twal jagħti divertiment umoristiku meta lanqas televiżjoni ma kien hawn. Minn dak il-programm Gemma bdiet tkun meqjusa bħala waħda mill-attriċi umoristi ewlenin f’Malta.

Minkejja dan Gemma ma qatgħet qatt il-kant. Fis-snin sittin iffurmaw kwartett hi, żewġha Paul, oħtha Connie u żewġha Richard bl-isem ta’ The Bluebirds. Ġieli anki kantaw meta kemm Gemma kif ukoll Connie kienu tqal.

Bħala attriċi ftit hemm xi tgħid dwar Gemma. Kienet waħda minn dawk il-ftit li kif toħroġ fuq palk, l-udjenza tinfaqa’ ċċapċpilha qabel tkun imqar qalet kelma. Waqt xi reċta kellha ħabta timprovizza b’xi ċajta, u ġieli għamlitha impromptu quddiem l-udjenza u daħħket anki lill-atturi sħabha.

Fl-1976, fuq l-istazzjon uniku televiżiv f’Malta beda jixxandar l-ewwel teleserje Malti. F’Baħar Wieħed kien jixxandar fuq ir-radju u Lino Farrugia talab lill-awtur Lino Grech biex jaddattah għat-televiżjoni. Lino u Gemma kienu ħadmu l-partijiet prinċipali.

Lino ħadimha ta’ Pinu l-pastizzar; raġel kwiet u ddominat minn martu Ġoma; parti maħduma minn Gemma. Din Ġoma kienet mara twajba, imma lsienha twil, tparla, tgħaffiġha, u biex tipprova tirranġa kollox, tgħaffiġha aktar! Kien serje li wera kemm problemi jinqalgħu minħabba d-differenzi soċjali bejn familji differenti.

In-nies lil Ġoma ħabbewha. Kliem Ġoma meta kienet tirrabja, “qattus il-bombi,” saru kliem moda li jgħidhom kulħadd b’ċajta. Hija ħasra li ċerti nies ma kienux jagħmlu differenza bejn l-attriċi u l-karattru rreċtat. Kien hawn min jaħseb li fil-ħajja personali, Gemma kienet injoranta bħal Ġoma. U dan lil Gemma kien idejjaqha.

Darba kienet sejra lejn ix-xandir ma’ bintha Cora. Kellha taqsam il-pjazza tal-Imsida u kif waslet fuq iż-zebra crossing, inzerta waqaf trakk mimli rġiel tal-ġebel quddiemha. U l-irġiel bdew ikantawlha melodija magħrufa dak iż-żmien: “Furia il cavallo del west, qalziet ta’ Ġoma ċelest.” M’għandniex xi ngħidu, Gemma bdiet tistħi quddiem pjazza tant iffrekwentata min-nies u l-karozzi. It-traffiku ma setax jimxi, it-trakk baqa’ wieqaf hemm u Gemma ma setgħetx taqsam… u dawk il-ftit minuti, rathom sigħat.

Inċidenti fuq il-palk jistgħu jiġru dejjem. Darba waqt xena minnhom Gemma kellha titfa’ qasrija għal ras George Micallef għax ikun qabbiżhielha. Ippruvawha kemm-il darba u George dejjem tbaxxa fil-ħin biex il-qasrija tibqa’ sejra wara l-kwinti. Imma waqt ir-reċta quddiem l-udjenza, Karmenu Gruppetta fettillu dak il-ħin jintasab wara l-kwinti… u l-qasrija qalagħha fuq rasu hu.

Qabel kull reċta, meta ssir il-prova teknika li ddum ħin twil, Gemma kienet magħrufa li tipprepara u tieħu magħha ħafna ikel għal kulħadd. U ma’ dawn xi kejk qatt ma naqas.

Blog

IRREĠISTRA biex tirċievi l-aħħar aġġornamenti minn TVM

IRREĠISTRA HAWN