Bonġu Kafé
Kurżitajiet

Ġganti f’Għawdex

WAQT IL-KAFÉ… ma’ Joe Julian Farrugia

 

F’pajjiżna nsibu għadd ta’ tempji tal-qedem. Ħafna minnhom fihom ħaġar kbir idawwar l-imqades, imma dak fix-Xagħra f’Għawdex għandu ġebel kbir wisq. Tiskanta u tistaqsi kif il-bniedem irnexxielu jċaqlaq dawk il-blatiet enormi. Saħansitra hemm ġebel twil 5 metri u jiżen 50 tunnellata. Għandhom raġun l-antiki jgħidu li kienu ġganti.

Skont il-leġġenda Għawdxija, it-tempji bniethom waħda ġganta, Sansuna, li ġarret il-ġebel kollha waħedha. Din il-ġganta kienet tiekol biss ful u għasel u waqt il-bini ġarret fuqha lil binha. Hija welldet dan l-iben wara li kellha relazzjoni ma’ raġel komuni. Imma dik hija biss leġġenda.

It-tempji tal-Ġgantija nbnew qabel il-piramidi tal-Eġittu u qabel Stonehenge tal-Ingilterra. Inbnew aktar minn 5 sekli ilu. Il-kumpless fih żewġ tempji kbar u ieħor li jidher li baqa’ ma tlestiex. Jinsabu fit-tarf tal-għolja ċatta tax-Xagħra jħarsu lejn il-widien tan-naħa t’isfel tal-gżira. Min jaf x’seħer kien fihom fiż-żmien li kienu jintużaw bħala mqades… is-seħer tal-lejl… is-seħer mistiku… it-twemmin u l-misteri… min jaf kemm sagrifiċċji saru bil-vittmi jkunu annimali jew saħansitra umani.

Jingħad li t-tempji tal-Ġgantija kienu mqades ta’ adorazzjoni femminili. Jista’ jkun li l-aspett femminili jirrigwarda l-Omm Dinja u jista’ jkun li hemmhekk kienu jaduraw lil xi alla tal-fertilità. Ħaġa żgura hija li t-tempji jħarsu n-naħa tax-Xlokk, bħal tempji oħrajn f’Malta. Jista’ jkun, allura, li t-tempji f’Għawdex kienu wkoll mibnija b’tifsir astroloġiku, b’mod speċjali fi żmien l-ekwinozji tal-istaġuni.

L-arkejoloġi jgħidu li bħal tempji oħrajn, fil-glorja tagħhom kellhom soqfa mkaħħla u mbajda. L-ispazju bejn il-ħitan kienu jimlewh bil-mazkan. Trid tappreza li dan ix-xogħol kollu kien isir meta r-rota kienet għadha mhix ivvintata. Lanqas għodda ma kellhom in-nies ta’ dak iż-żmien. Minkejja dan, fil-post instabu ġebel f’forma ta’ boċċi kbar li jingħad li kienu jintużaw biex fuqhom iġorru l-ġebel minn fejn jinqata’ għal posthom. Imma kif refgħuhom f’posthom xorta jibqa’ misteru.

Fis-snin tmenin, it-tempji tal-Ġgantija saru siti ta’ wirt dinji mill-UNESCO.

Aktar Episodji

Blog

IRREĠISTRA biex tirċievi l-aħħar aġġornamenti minn TVM

IRREĠISTRA HAWN