Bonġu Kafé
Kurżitajiet

Għal min iħobb il-patata

WAQT IL-KAFÉ… ma’ Joe Julian Farrugia

 

Bħal daż-żmien inkun qed nistenniha, imma did-darba mhix se ssir minħabba l-elezzjonijiet. Is-soltu konna drajna li fir-raħal sabiħ tal-Qrendi jagħmlu l-festa tal-patata. U ġieli doqt il-ġelat tal-patata wkoll… u ma nistax ngħid li m’għoġobnix!

Bla ma nneħħi xejn mill-ħidma kbira biex issir din il-festa, u bla ma nneħħi xejn mill-għaqal u s-sengħa tal-bdiewa, is-soltu fuq Facebook jien dejjem iċċajtajt f’din l-okkażjoni fuq il-kelma patata. Għax hija tabilħaqq festa għal kull min iħobb il-patata… u nimmaġina li hawn ĦAFNA nies li jħobbu l-patata, anki dawk li jilgħabuha tad-dojoq u ma jammettux.

Issa ifhmuha kif tridu u ifhmuha għal liema patata tridu, imma ċert li tonda tonda ssib min iħobb il-patata ħoxna… min iħobbha żnella… min iħobbha mbaċċna… min iħobbha magħquda… bjonda (tal-qatgħa bajda)… jew samra (tal-qatgħa safra)… min iħobbha nadifa… min iridha bil-ħamrija… jew anki bit-tajn waqt xi logħba wrestling. Min imut għall-patata Maltija u min jippreferi dik barranija… insomma tabilħaqq li l-patata tibqa’ dejjem popolari! U kif!

U biex inkompli ċ-ċajta, din il-festa kienu jagħmluha fi ġnien jismu Ġnien il-Warda. U l-kelma WARDA wkoll tfakkarni fil-patata… anzi wardiet propja!

Issa ħallina miċ-ċajt, attivitajiet bħal dawn li jesponu x-xogħol siewi li jagħmlu l-bdiewa huma ta’ min jinkoraġġihom, u ta’ min jattendi għalihom ukoll.

Jgħidu li l-patata nġiebet fl-Ewropa mill-Ispanjoli fis-seklu 16 għax sa dakinhar kienet tikber biss fil-kontinent Amerikan. U minn dakinhar saret wieħed mill-aktar ikel komuni f’ħafna pajjiżi. Biss biss issemmi ċ-chips, ara kemm tisserva ma’ ikel differenti. Illum, wara tliet tipi ta’ ċerejali, issib il-patata bħala r-raba’ l-aktar prodott agrikolu li tipproduċi d-dinja agrarja.

U meta nsemmi ċ-chips niftakar fil-Belġju. Qatt ma doqt chips tajba daqs ta’ hemmhekk. U jsejħulha French Fries mhux għax ġejja minn Franza, imma għax ġejja mill-parti Belġjana fejn jitkellmu l-Franċiż. Jaqluha darbtejn.

Kont ninnota fritterie partikolari; l-ewwel iniżżluha fiż-żejt jagħli għal ftit sekondi biss, iħalluha toqtor miż-żejt fuq xkaffa tal-metall nadif, imbagħad ikomplu jaqlu porzjon porzjon meta jordnawha n-nies.

U sirt naf li jsir hekk biex fl-ewwel ftit sekondi jimtlew il-pori u fit-tieni qalja, iż-żejt ma jidħolx ġewwa. B’hekk minkejja li fuq barra tinqela darbtejn u ssir ħamranija, fuq ġewwa titgħalla biss.

Insomma issa ħallina mill-Belġju. Kieku dis-sena fil-Qrendi se ssir il-festa bħal kull sena, kieku kont immur … għax jien ukoll inħobb il-patata… staqsu lil żaqqi!

Aktar Episodji

Blog

IRREĠISTRA biex tirċievi l-aħħar aġġornamenti minn TVM

IRREĠISTRA HAWN