Bonġu Kafé
Kurżitajiet

Għaliex Iqabbdu Ħuġġieġa f’San Ġwann?

WAQT IL-KAFÉ… ma’ Joe Julian Farrugia

 

Għall-bniedem in-nar dejjem kien utli. Miż-żmien meta l-ewwel umani skoprew kif ikebbsu n-nar bdew jużawh biex isaħħanhom f’jien kesħin, biex isajru l-ikel li jirnexxilhom jaqbdu, biex ikollhom id-dawl mal-lejl, kif ukoll biex iwasslu messaġġ. In-nar jidher mill-bogħod u fi żmien meta ma kien hawn ebda teknoloġija ta’ komunikazzjoni, messaġġ kien jitwassal bin-nar, jew bid-duħħan tiegħu. Fi żmien il-Kavallieri f’pajjiżna t-torrijiet tal-kosta kienu jwasslu l-wasla tal-għadu Tork billi titqabbad ħuġġieġa fuq it-torri, minn torri għall-ieħor isir l-istess sakemm l-aħbar tasal il-belt.

Imma l-ħuġġieġa li qed nikteb fuqha llum hija differenti. U minkejja li differenti xorta marbuta mat-twassil ta’ messaġġ. L-24 ta’ Ġunju hija l-festa ta’ San Ġwann il-Battista u minn meta kont żgħir dejjem nismagħhom jgħidu li dakinhar issir il-ħuġġieġa. Niftakar Raħal Ġdid xi ġuvintur kienu jiġbru kemm isibu kaxxi tal-kartun mingħand tal-merċa, xi njam mormi qabel jakkwistah tal-forn, qtajjet ta’ zkuk nexfin mill-għelieqi li dak iż-żmien kienu aktar spissi u xi għamara antika mkissra… kienu jpoġġuhom munzell fuq xulxin u wara li jidlam jagħtuha n-nar. Ħalli għalihom, imbagħad, kif jibda jbatti n-nar bi mħatra ma’ xulxin isuqu r-roti, jieħdu ġirja sħiħa u jaqbżu fuq in-nar bir-rota b’kollox bla ma jinħarqu.

Imma f’dan kollu fiex jidħol San Ġwann? L-24 ta’ Ġunju jiġi kważi tliet xhur wara l-Annunzjata, meta l-anġlu ħabbar lil Marija li se jkollha iben, u sitt xhur qabel il-Milied, propju meta twieled dak l-iben. Skont il-Bibbja, meta Marija saret taf li hi tqila, marret għand il-qariba Eliżabetta tagħtiha l-aħbar. U Eliżabetta wkoll kellha aħbar… kien se jkollha iben ukoll… u t-tqala tagħha kienet diġà avvanzat aktar. B’hekk il-knisja kkalkulat dawn il-jiem ta’ Ġunju meta bejn wieħed u ieħor twieled iben Eliżabetta, Ġwanni. Naturalment sakemm twieled Ġwanni, Marija kienet marret lura lejn darha.

Skont il-leġġenda, Żakkarija, żewġ Eliżabetta, kien qabbad ħuġġieġa biex Marija tkun taf li twieled bin Eliżabetta.

Maż-żmien is-sinifikat inbidel u kif semmejt diġà l-ħuġġieġa bdiet issir għall-gost biex il-ġuvintur jippikaw bejniethom min jirnbexxilu jaqbeż bir-rota minn fuqha bla ma jweġġa’. U fi żmien l-Ingliżi f’pajjiżna, kienu jqabbluha wkoll mal-ħuġġieġa tradizzjonali tagħhom, dik ta’ Guy Fawkes… imma dik kellha għan differenti ħafna.

Aktar Episodji

Blog

IRREĠISTRA biex tirċievi l-aħħar aġġornamenti minn TVM

IRREĠISTRA HAWN