Radju Kafé
Kurżitajiet

Għandi aptit kawlata…

WAQT IL-KAFÉ… ma’ Joe Julian Farrugia

 

Ngħid id-dritt illum kont se nikteb fuq Brexit, imma ma xtaqtx nidħol f’aspetti politiċi u pront pront ġie f’moħħi s-suġġett dwar il-Kawlata… għalkemm ma naħsibx li ż-żewġ suġġetti huma wisq bogħod minn xulxin.

Il-Kawlata hija soppa Maltija magħmula minn ħafna ħaxix differenti, fażola u majjal. Mhux kulħadd kien juża l-istess tip ta’ majjal. Kien hemm min juża majjal taż-żaqq, jew inkella xi xikel jew xi sieq tal-majjal. Kien hemm min jitfgħalha ukoll xi żewġ zalzettiet ta’ Malta… u t-togħma hija dejjem tajba, naturalment b’differenza fil-palat skont x’majjal tuża.

Meta ommi kienet tagħmlilna kawlata, kont inxommha mill-bieb ta’ barra kif nasal mill-iskola. L-aktar fi ġranet kesħin tinżillek għasel. U forsi dal-paragun mhux tajjeb biżżejjed, għax, ngħid għalija, kienet togħġobni anki iktar mill-għasel. Ommi kienet iddewwimha fuq nar bati u l-kawlata tagħqad sew. Meta tiġi magħquda, l-antiki kienu jsejħulha li “tagħqad fuq id-dufrejn.” Insomma tagħqad fejn trid imma veru kont inħobbha.

Il-kawlata kienet popolari ħafna imma ma kinitx tittiekel fi żmien ir-Randan, għax il-laħam ma kienx jiswa f’dawk l-erbgħin jum. Allura, peress li hi tajba aktar għax-xitwa milli għas-sajf, kienu jsajruha l-aktar bejn Diċembru u Frar… għax imbagħad wara r-Randan ftit ikun fadal biex jaqleb it-temp għal dak sajfi.

Illum il-kawlata ftit għadha popolari. Forsi għax ftit għandna ċans insajru għal ħin twil fuq nar bati. U ħafna miż-żgħażagħ tagħna, jekk issemmilhom kawlata, qisek qed tkellimhom bil-Grieg. Kważi kważi jafuha biss meta xi ħadd jagħmel xi taħwida u jgħidulu li għamel kawlata.

Interessanti li skont xi antiki, l-ewwel gazzetta f’Malta kien jisimha Il-Kawlata Maltija. Din ħarġet fl-1838 u ħarġuha żewġ Ingliżi: G. P. Badger u J. Richardson. Jidher li dil-gazzetta ma tantx damet toħroġ wisq.

Fit-tieni gwerra dinjija, meta Malta kienet mifnija bl-attakki u l-ikel naqas drastikament, il-kawlata kienet waħda mill-ikliet li kienet toħroġ il-Victory Kitchen. Ma tantx naħseb li fil-gwerra kien ikollha wisq majjal. Imma insomma, kienet il-kawlata li setgħu jagħmlu għall-poplu bil-ġuħ f’dawk is-snin ta’ għaks.

Aħħħ… għandi aptit platt.

Blog

IRREĠISTRA biex tirċievi l-aħħar aġġornamenti minn TVM

IRREĠISTRA HAWN