Bonġu Kafé
Kurżitajiet

Għar Ħasan

WAQT IL-KAFÉ… ma’ Joe Julian Farrugia

 

Ħafna kienu jżuruh spiss, sakemm ġrat ħsara fil-passaġġ biex tasal għalih u ngħalaq għal xi żmien. Mhux ta’ b’xejn kien popolari, għax il-post għandu waħda mill-isbaħ veduti fil-gżejjer tagħna. F’tarf l-irdum bejn Bengħajsa u Ħal Far għandek il-ponta Tal-Mara fuq ix-xellug u Filfla fuq il-lemin… u bejniethom mergħa sħiħa sa fejn twassal il-vista t’għajnejk ta’ baħar nir li ftit tista’ ssib ma’ xiex tqabbel lewnu. Minn fuq ix-xagħri tal-irdum tinżel minn passaġġ dejjaq fit-tarf sakemm issib l-għar imsemmi għal Ħasan.

U rrabta mal-isem Ħasan tagħmlu interessanti daqs kemm il-post huwa sabiħ. Il-leġġenda marbuta mal-għar għandha verżjonijiet differenti, kollha marbuta mal-Għarbi Ħasan. L-aktar waħda popolari tgħid li Ħasan kien wasal b’ġifen mill-Barbarija u kien jgħix fil-għar. Darba minnhom ħataf tfajla sabiħa Maltija tar-raba’ u żammha moħbija fil-għar. Il-Maltin tal-inħawi saru jafu u marru lejn l-għar biex jieħdu lix-xebba lura. Ħasan induna li kienu ġejjin lejn l-għar u sejjaħ lill-ġifen  jersaq lejn l-art biex ifittxu jitilgħu fuqu hu u l-Maltija. Imma l-Maltin irrabjati waslu quddiem l-għar qabel il-bastiment. Ħasan fit-tfajla miżmuma sewwa ġera lejn bokka oħra tal-għar li tagħti għal fuq il-baħar u biex ma jaqbduhomx il-Maltin, l-ewwel xeħet lix-xebba fil-baħar u warajha ntefa’ hu… u b’hekk mietu t-tnejn.

Ħadd ma jaf il-leġġenda seħħitx jew le imma għandna ħafna leġġendi li fihom personaġġi Għarab ikollhom il-parti ta’ kattivi ma’ xebbiet Maltin.

Niftakar raġel imdaħħal fl-età li meta tinżel fil-għar kont issibu fil-bokka biex jikrilek torċ għal ftit ċenteżmi biex tkun tista’ tara fin-naħa ta’ ġewwa. U bix-xieraq għax fuq in-naħa ta’ ġewwa hemm dlam ċappa. Dejjem niftakar li s-saqaf kien ikun iqattar sajf u xitwa. Infatti f’ċerti nħawi tal-għar kien ikun hemm it-tajn u kulħadd kien joqgħod attent li ma jiżloqx.

Instabu wkoll xi tpinġijiet fil-għar li hemm min jgħid li jmorru lura sekli sħaħ u hemm min hu xettiku dwar l-antikità tagħhom.

Li hu żgur li jibqa’ wieħed mill-isbaħ postijiet f’Malta… u tieħu pjaċir tirrakkonta l-leġġenda kull meta tieħu lil xi ħadd jarah…

Aktar Episodji

Blog

IRREĠISTRA biex tirċievi l-aħħar aġġornamenti minn TVM

IRREĠISTRA HAWN