Bonġu Kafé
Kurżitajiet

Għar-Ravjul

WAQT IL-KAFÉ… ma’ Joe Julian Farrugia

 

Sħan sħan, biz-zalza tat-tadam fuqhom, ftit ġobon maħkuk, raxxa bżar iswed frisk fuqu u għidli x’int tiekol. Niftakar il-mejda tal-kċina mimlija dqiq abjad fin kull meta ommi tagħmel ir-ravjul. Tiċċattja l-għaġina, taqtagħha f’forom tondi b’tazza rasha ’l isfel, tpoġġi f’nofs kull waħda ftit minn taħlita ta’ rkotta mgħaffġa bil-bajd, ħalib u tursin, tagħlaqhom, u mbagħad tgħallihom sakemm jitilgħu fil-wiċċ donnhom qegħdin jgħidulna li saru u nistgħu ingawduhom. U ngawdihom kont għax dejjem tużżana u nofs ħadt. Tajbin wisq!

Ir-ravjul ilhom ħafna jsiru. Waqt il-konklavi biex jinħatar Papa f’Ruma fl-1549, meta kien inħatar Ġulju III, il-kok magħruf Bartolomeo Scappi kien serva lill-kardinali r-ravjul mat-tiġieġ mgħolli. Hawn ħafna saħansitra jsostnu li r-ravjul ta’ Sqallija u ta’ Malta ilhom isiru ħafna aktar minn hekk.

Maż-żmien dawn żviluppaw u f’Għawdex hemm min beda jagħmilhom bil-ġbejniet friski wkoll. Niftakar ommi ġieli xtrathom lesti wkoll. Kien jiġi wieħed is-suq ta’ Raħal Ġdid u kien ikollu tilari tal-injam mgħottijin b’biċċa drapp imsejħa filoxx biex ma jmissuhomx dubbien u n-nies jixtru. Niftakar anki l-irkotta konna nixtru mis-suq, irkotta ġo barmil taż-żingu u biex jiżinha kien jaqta’ biċċa rkotta b’biċċa metall ċatta f’idu.

Fi żmien il-Ġimgħa l-Kbira dejjem kienet tagħmlilna r-ravjul ommi. Għax dawk bla laħam u allura stajna nikluhom. Ma kien ebda sagrifiċċju għalija għax inħobbhom ħafna.

Ir-ravjul ifakkruni fil-Belt. Meta konna nidħlu l-Belt u konna mmorru s-suq, dejjem konna nispiċċaw għand is-Still Alive, ħanut tat-te fi Triq it-Teatru maġenb is-suq. Kien ħanut tawwali, qisu kuridur, u kien magħruf għar-ravjul tajjeb li kien jagħmel. U kien ikollu ħafna nies, ħaddiema u nies li daħlu l-Belt jixtru… u kulħadd ravjul kien jieħu. Il-Belt kien hemm ukoll il-Malata u wieħed ħdejn tal-Karmnu magħrufin għar-ravjul.

Darba meta kont naħdem id-Dipartiment tas-Saħħa fettlilna nsajru r-ravjul għall-brejk. U xtrajnihom mingħand wieħed tal-pastizzi magħruf, dak iż-żmien. U kien fihom daqs widna ta’ ħmar kull ravjula. Dakinhar ma kiltx aktar minn nofs tużżana… u mlewni aktar mit-tużżana u nofs li kont imdorri niekol.

Bilħaqq… ir-ravjul inħobbhom anki fil-forn, qishom lażanja.

Aktar Episodji

Blog

IRREĠISTRA biex tirċievi l-aħħar aġġornamenti minn TVM

IRREĠISTRA HAWN