Radju Kafé
Kurżitajiet

Għax Illum Lejlet l-Imnarja

WAQT IL-KAFÉ… ma’ Joe Julian Farrugia

Għax illum lejlet l-Imnarja
U kulħadd jiġri u jdur
Waqt li l-paljijiet itiru
U il-fjakkli fuq is-sur

Hekk ikantaw il-Greenfields dwar dil-ġurnata. L-Imnarja hija l-festa ta’ San Pietru u San Pawl li jingħad li kienu maqtula f’Ruma fis-sena 67 wara Kristu. Anzi ċerti tradizzjonijiet jgħidu li għalkemm fi nħawi differenti ta’ Ruma, inqatlu fl-istess ġurnata. U f’Malta niċċelebraw din il-festa fil-Katidral tal-Imdina.

Il-kelma Mnarja ġejja mill-kelma bit-Taljan illuminaria li tfisser mixgħela. U għalhekk il-Greenfields isemmu l-fjakkli mixgħulin fuq is-sur tal-Imdina, fi żmien meta ma kienx hawn elettriku u mixgħela ta’ festa kienet issir jew bit-tazzi taż-żejt jew bil-fjakkli.

U la hija festa fl-Imdina, n-nies li dari kienu jdumu jivvjaġġaw, kienu jsibu post viċin fejn jistrieħu. U f’dawk l-inħawi n-nies kienet tiġbed lejn il-Buskett. Kienu jmorru minn lejlet l-Imnarja, joqgħodu jgħannu, jixorbu l-inbid u jieklu l-fniek. U minħabba li din il-festa tiġi fi żmien il-ħsad, kull sena bdiet issir wirja tal-aqwa prodotti agrikoli u tar-raħħala fil-Buskett stess. Il-bdiewa jimpikaw bejniethom min għandu l-aħjar prodotti tal-art jew barrin, baqar u mogħoż. U ġieli l-pika qabżet il-limiti wkoll.

Taħt is-Saqqajja jsiru t-tiġrijiet tal-bhejjem wara nofsinhar nhar l-Imnarja. Int u tiela’ mit-triq tas-Siġġiewi, tinnota l-plieri, qishom kolonni miżbugħin sofor bl-aħmar, li kienu jfissru l-post minn fejn jitilqu t-tlielaq. Hemm plieri għaż-żwiemel u aktar ’il fuq oħrajn għall-ħmir u dwieb. Dan l-aħħar, għall-grazzja t’Alla, dawn it-tlielaq illum qegħdin isiru wara nżul ix-xemx biex intemmet it-trawma kbira fuq l-annimali fl-eqqel tax-xemx.

U fl-imgħoddi kien hemm tradizzjoni li meta jsir tieġ, l-għarus iwiegħed lill-għarusa li fl-ewwel Imnarja taż-żwieġ joħodha l-Buskett. Ma nafx kemm għadha pprattikata din illum!

F’Għawdex lil San Pietru u San Pawl jagħmlulhom festa fin-Nadur. Il-Katidral ta’ Għawdex jagħmel festa lil Santa Marija f’Awwissu. U qatt innutajtu li fil-festa tal-Katidral t’Għawdex isir l-istess bħall-festa tal-Katidral ta’ Malta fl-Imnarja? Jagħmlu wirja agrarja u jsiru t-tiġrijiet tal-bhejjem ukoll.

Insomma l-festa t-tajba ħbieb!

Aktar Episodji

Blog

IRREĠISTRA biex tirċievi l-aħħar aġġornamenti minn TVM

IRREĠISTRA HAWN