Radju Kafé
Kurżitajiet

Ġieli smajtu bil-Bieb tal-Klieb?

WAQT IL-KAFÉ… ma’ Joe Julian Farrugia

 

Ma tantx hu isem komuni, imma kien jeżisti… u kien jeżisti f’post li min jaf kemm għaddejna minnu. Anzi probabbli huwa l-aktar post li jgħaddu karozzi u nies rekbin minnu kuljum f’Malta, l-aktar triq faċli biex nidħlu jew noħorġu mill-Belt.

Fit-tarf ta’ Triq Sant Anna fil-Furjana, eżatt wara l-iljun ninnutaw li hemm mal-ħajt kwadru ta’ Sant Anna. Dan mhux minn dejjem kien hemm. U lanqas il-ħajt fejn qiegħed dan il-kwadru ma kien dejjem kif inhu llum. Huwa ħajt lixx, qisu maqtugħ b’sikkina. U jekk tħares in-naħa l-oħra tat-triq tinduna li hemm ħajt ieħor bħalu. U tabilħaqq li dawn iż-żewġ ħitan kienu nqatgħu… imma mhux b’sikkina.

Dari bejn dawk iż-żewġ ħitan, żewġ truf tas-swar, kien hemm bieb biex jipproteġi lill-Furjana u l-Belt. Kien jismu Porta Sant Anna, u kien il-bieb prinċipali tal-Furjana. Għal xi raġuni, il-bieb kien magħruf ukoll bħala Porta dei Cani… jew kif kienu jsejħulu n-nies il-Bieb tal-Klieb. Kien bieb kbir tal-ġebel mimli skultura.

Il-progress ħadd ma jżommu u fl-1897 dan il-bieb twaqqa’ u minfloku llum għandna dik il-fetħa li minnha jgħaddu ħafna vetturi. Veru li biex jgħaddi t-traffiku l-bieb kellu jwarrab, imma ħasra li ntilef, u mank tneħħa ġebla ġebla u nbena mill-ġdid fil-ġnejna li hemm viċin… dik fejn suppost kellu jsir mafkar ta’ Shakespeare… u mar sar qatt. Dante tħalla waħdu fil-ġnejna ta’ faċċata.

Fiż-żmien meta kien għadu jeżisti Porta Sant Anna, l-iljun tal-Furjana kien aktar ’l isfel minn fejn qiegħed illum, fi Triq Sant Anna stess, kważi minn fejn jibdew il-loġoġ. U lanqas il-loġoġ m’għadhom l-oriġinali. Qabel il-loġoġ fuq iż-żewġ naħat tat-triq kienu iżgħar.

Illum, kulma fadal mill-bieb hija Sant Anna li xi darba kienet fuq in-naħa ta’ ġewwa tal-bieb u llum tinsab mal-ħajt maqtugħ fil-ġenb taqla’ d-dħaħen tal-karozzi l-ħin kollu. Imnalla ma tbatix bl-ażma!

Il-Bieb tal-Klieb illum spiċċa… fadal biss ħajt maqtugħ fuq kull naħa… u biex l-isem ta’ jintesiex, kull meta jgħaddu l-klieb minn taħt il-ħajt, biex isellmulu, jgħollu sieqhom…

Blog

IRREĠISTRA biex tirċievi l-aħħar aġġornamenti minn TVM

IRREĠISTRA HAWN