Bonġu Kafé
Kurżitajiet

Ġuda

WAQT IL-KAFÉ… ma’ Joe Julian Farrugia

 

Kemm hi kerha meta xi ħadd jgħajrek “Ġuda”! Faċli nikkundannaw lil dan l-eks-Appostlu, imma qatt ippruvajna nidħlu fiż-żarbun tiegħu?

Ftit żmien biss qabel il-ġrajja tal-Passjoni li tant iġġiegħlna noħduha kontra Ġuda, dan l-Iskarjota kien ingħażel minn Kristu stess biex ikun wieħed mit-tnax. Bħal sħabu l-Appostli għamel mirakli f’isem sidu, keċċa x-xjaten u spirti ħżiena f’isem sidu. Ġesù qallu bħalma qal lill-kollegi tiegħu “tifirhux li l-ispirti joqgħodu għalikom, imma ifirħu għax għandkom isimkom miktub fis-saltna tas-smewwiet.”

Dan ifisser li Ġuda l-Iskarjota kien predestinat li jsalva.

Kien żmien meta l-poplu Lhudi kien xeba’ mill-ħakma arroganti ta’ Ruma. Ġuda bħal ħafna Lhud, raw fi Kristu l-mexxej ħellies ta’ ġenshom.

Ġuda kien Żelota. Ħafna min-nies kienu jqisu liż-Żeloti bħala terroristi għax ma kinux jiddejqu jużaw il-vjolenza għall-għanijiet tagħhom, anki jekk dawn kienu ġenwini. Ovvjament ma kinux jaħmlu lir-Rumani u lil tas-Sanedrin li kienu jqisu bħala tradituri. Ġuda deherlu li Kristu ma kienx qiegħed ikun iebes biżżejjed kontra l-ħakkiema u t-tradituri u għalhekk ried iġibu dahru mal-ħajt biex jieħu azzjoni.

Forsi kien jemmen li Ġesù quddiem is-Sanedrin seta’ juża’ poteri fiżiċi mogħtija lilu minn Alla u ma jħallihomx jaħqruh.
It-30 biċċa tal-fidda kienu ħafna flus. Biċċa waħda tal-fidda kienet xi 6 xhur paga, u allura kienu jammontaw għal xi 15-il sena paga. Mhix ċajta. Ma nemminx li Ġuda ried il-flus għalih. Tant kien jemmen f’ġensu li probabbli kien se jużahom biex jinxtraw xi armi għall-ġlieda kontra r-Rumani.

Iżda l-pjan ta’ Ġuda falla, anzi seħħ kollox bil-kontra. Ġesù ma offra ebda reżistenza quddiem is-Sanedrin. Anzi meta kien hemm ċans jeħlisha, inħeles Barabba, bniedem tal-istess partit ta’ Ġuda, li iżda kulħadd kien jibża’ minnu jiġri mas-saqajn.

U la l-pjan falla, Ġuda ma kien fadallu ebda triq oħra ħlief li jtemm ħajtu… imdendel ma’ siġra. Jingħad li Ġuda tgħallaq fl-istess għalqa fejn idden is-serduq ta’ Pietru.

Forsi żbalja… bħalma aħna kollha niżbaljaw. Għamel dak li ħass li kellu jagħmel, skont it-twemmin tiegħu. U t-twemmin tiegħu, min jien jien biex immerieh?

Aktar Episodji

Blog

IRREĠISTRA biex tirċievi l-aħħar aġġornamenti minn TVM

IRREĠISTRA HAWN