Bonġu Kafè
Kurżitajiet

Ġunju Ġunjett

WAQT IL-KAFÉ… ma’ Joe Julian Farrugia

Missirijietna kienu jgħidu lil Ġunju Ġunjett ineħħi l-qmis u d-dublett. U dan għaliex meta jasal dan ix-xahar tkun daħlet sew is-sħana u nibdew inneħħu l-ħwejjeġ żejda li għattewna matul ix-xhur ta’ qabel u nfittxu l-baħar aktar. U naturalment għall-baħar trid tneħħi l-ħwejjeġ.

Ġunju huwa s-sitt xahar tas-sena, kemm fil-kalendarju Ġuljan kif ukoll f’dak Gregorjan. Huwa t-tieni minn erba’ xhur li fihom 30 ġurnata. Huwa x-xahar li fih jibda uffiċjalment is-sajf. Għalkemm f’pajjiżna s-sajf huwa ħafna itwal minn tliet xhur u s-sħana ġieli tibda minn żmien l-Għid il-Kbir u San Girgor, fil-21 ta’ Ġunju jibda l-istaġun tas-sajf. U din mhix xi data li vvintaha l-bniedem, imma jkun il-jum imsejjaħ is-solistizju tas-sajf. Dan ifisser li bħala dawl dak ikun l-itwal jum; l-aktar ġurnata li jisbaħ kmieni u li jidlam tard.

Fl-imgħoddi mbiegħed, f’xi tempji megalitiċi bħal Ħaġar Qim u l-Imnajdra, kellhom metodi biex isiru jafu meta jkun wasal jew le. Dan kien utli ħafna biex ikunu jafu li wasal dan iż-żmien, u liema attività jmiss li jwettqu fl-għelieqi tagħhom. Illum dan iż-żmien nimmarkawh b’aktar ħruġ għax it-temperatura tħeġġek toħroġ aktar u jdum aktar ma jidlam.

Is-solistizju tas-sajf f’Ġunju naturalment jiġri fin-naħa ta’ fuq tad-dinja. In-naħa t’isfel fejn f’dan iż-żmien tkun ix-xitwa, l-istess jum ikun l-iqsar wieħed. F’dawn il-postijiet, bħall-Awstralja, ix-xahar meta jkollhom is-solistizju tas-sajf ikun Diċembru.

F’Malta f’Ġunju jkunu bdew jirrankaw il-festi fil-bliet u fl-irħula. Huwa xahar li fih niċċelebraw San Ġwann, il-Qalb ta’ Ġesù, l-Imnarja ta’ San Pietru u San Pawl kif ukoll il-jum meta f’pajjiżna kienu ntilfu l-ħajjiet u xtered id-demm fl-1919, magħruf bħala s-Sette Giugno. Ġunju huwa magħruf ukoll bħala x-xahar tad-dris. Dan għaliex il-qamħ fl-għelieqi jkun nixef, bidel lewnu u allura jkun wasal iż-żmien li jindires u tiġi mifruda l-qamħa mit-tiben.

Huwa wkoll ix-xahar meta t-tfal itemmu s-sena skolastika, jieħdu l-mistrieħ wara xhur ta’ studju, biex ikunu pprepartati għal sena oħra ta’ ħidma.

Blog

IRREĠISTRA biex tirċievi l-aħħar aġġornamenti minn TVM

IRREĠISTRA HAWN