Bonġu Kafé
Kurżitajiet

Ġużeppi… skiet, sabar u ħlewwa

WAQT IL-KAFÉ… ma’ Joe Julian Farrugia

 

Kien ġej mir-razza tar-Re David, imma ma kienx jgħix xi ħajja aristokratika. Kien mastrudaxxa imma qatt ma nafu li kellu xi karrettun mal-ħmara. Kien ir-raġel ta’ Marija, imma martu baqgħet verġni. Kien il-missier legali ta’ Ġesù Kristu, imma missieru ma kienx.

Fil-pitturi jġibuh bħala raġel xiħ ħafna, speċjalment ħdejn Marija, imma ħadd ma jaf eżatt kemm kien hemm differenza fl-età. Li nafu żgur hu li Marija kienet għadha żgħira ħafna, imma jidher li kienet tal-età normali meta kienu jiżżewġu dak iż-żmien. Skont it-tradizzjoni tfajla kellha tkun qabżet it-tnax-il sena u ġuvni t-tlettax-il sena.

Kieku ġrat fi żmienna, Marija kienet titqies li ħarġet tqila taħt l-età. U Ġużeppi, aktar u aktar jekk ipinġuh ta’ età kbira, kien jispiċċa l-ħabs. Imma l-Knisja tqisu bħala l-aktar raġel ġust… u hekk nemmen li kien.

Mill-Iskrittura joħroġ ċar li kien raġel ta’ ftit kliem. Issemma’ fl-erba’ vanġeli, u kellu parti importanti ħafna, imma f’ebda wieħed minnhom ma qal kelma. Skiet sħiħ… lanqas waħda! Studjużi tal-Iskrittura jgħallmuna li kien raġel ubbidjenti ħafna, ta’ sabar kbir u li kellu missjoni u qdieha sal-aħħar.

Hemm kitbiet li kien miżżewweġ diġà u kellu sitt ulied; erba’ subien u żewġt ibniet. Huma l-istess kitbiet li jgħidu li fi żmien it-tqala ta’ Marija, Ġużeppi kellu disgħin sena. Imma hemm dubju jekk dawn kinux biss leġġendi tradizzjonali, aktar u aktar meta xjentisti jgħidu li dak iż-żmien il-bniedem kien jgħix ħafna inqas mill-età li ngħixu llum.

Imma insomma, nafu żgur li Ġużeppi għandu parti prinċipali f’pajjiżna. Ħafna rġiel iġibu ismu, bħali, u diversi postijiet jiċċelebrawh; il-Kalkara, l-Imsida, l-Manikata, Birkirkara, il-Qala, ir-Rabat, Ħal Għaxaq, Ħaż-Żebbuġ u Ħal Kirkop minbarra għadd ta’ kappelli ma’ kullimkien.

U tista’ ssemmi lil San Ġużepp mingħajr ma ssemmi ż-Żeppoli? Kemm huma tajbin hux! Dik l-għaġina ħafifa mimlija bil-ħlewwa krema jew irkotta ma tinsihiex malajr. Jingħad li dawn iż-Żeppoli oriġinaw minn Ruma u Napli. Imma kif jiġri dejjem, it-tradizzjoni infirxet u llum iż-Żeppoli huma popolari ħafna fi Sqallija, Sardinja, il-Kroazja, kif ukoll f’pajjiżna. Insibuhom ukoll mad-dinja kollha kull fejn hemm xi komunità Taljana.

Jien inzertajt jisimni bħal San Ġużepp. Ma nistax ngħid li jien bla kliem kif kien hu fl-Iskrittura. Imma ħa nammetti magħkom… meta niekol Żeppola, bla kliem tħallini!

Aktar Episodji

Blog

IRREĠISTRA biex tirċievi l-aħħar aġġornamenti minn TVM

IRREĠISTRA HAWN