Radju Kafé
Kurżitajiet

Ħaġar Qim u l-Imnajdra

WAQT IL-KAFÉ… ma’ Joe Julian Farrugia

 

Jinsabu bejn Wied iż-Żurrieq u Għar Lapsi. Illum tinduna bihom mill-bogħod minħabba li fuqhom saru tined kbar u bojod biex jipproteġuhom.

Ilhom jeżistu eluf ta’ snin u kieku ma sarux it-tned fi ftit snin kienu jinqerdu għal kollox mill-elementi. Għandek ir-raxx mielaħ tal-baħar, jidħol fil-pori tal-ġebla, jinxef u jsir melħ li jespandi u jfaqqa’ l-ġebla. U ħasra kiekeu kellna nitilfu patrimonju bħal dak!
Huwa maħsub li t-tempji ta’ Ħaġar Qim u l-Imnajdra nbnew madwar 3600 qabel Kristu.

Mhux magħruf jekk inbnewx apposta bħala tempji iżda huwa maħsub li kienu qishom iċ-ċentru kulturali li fihom l-abitanti kienu jinqdew għal kollox fihom, inkluż għall-adorazzjoni tal-allat tagħhom.

Jingħad li meta nbnew, dawn it-tempji kellhom saqaf. Hemm ġebla fl-Imnajdra li fiha taħżiża antika ta’ kif kien jidher it-tempju meta kien għadu msaqqaf.

Gianfrangisk Abela kiteb li t-tempji ma nbenwx min-nies. Kiteb: “Il-ġebel li bih inbnew dawn it-tempji tant hu kbir li bilfors li ġganti bnewhom.” Trid tiftakar li dak iż-żmien żgur ma kienx hawn krejnijiet. Huwa maħsub li l-ġebel kien jinqata’ minn xi mkien viċin fejn se ssir il-binja u jinġarru billi jiżżerżqu fuq zkuk jew blalen tal-ġebel stess.

It-tempji ta’ Ħaġar Qim u l-Imnajdra għandhom rabta speċjali max-xemx u mal-kwiekeb. F’ġebla partikolari fl-Imnajdra, magħrufa bħala Constellation Stone, insibu ħofor żgħar. Jista’ jkun li n-nies ta’ dak iż-żmien kienu jużawhom bħala kalendarju tal-istilel.

Iżda l-akbar fenomenu li għadek tista’ tarah sallum f’dawn it-tempji tagħtihulna x-xemx permezz ta’ dawk magħrufa bħala equinox u solistizju. Fil-bidu tar-rebbiegħa u l-ħarifa, fl-equinox, ix-xemx tiela’ titfa r-raġġi tagħha eżatt fuq l-artal minn ġol kuridur ta’ quddiemu.

Imbagħad fil-bidu tas-sajf u tax-xitwa, naraw is-solistizju, meta x-xemx tiela’ titfa’ raġġ dejjaq mill-bieb li jixgħel it-tarf tal-artal.
Jista’ jkun li għan-nies ta’ dak iż-żmien, dan kien kalendarju tal-istaġuni, avolja qegħdin nitkellmu dwar ħamest elef sena ilu.

Blog

IRREĠISTRA biex tirċievi l-aħħar aġġornamenti minn TVM

IRREĠISTRA HAWN