WAQT IL-KAFÉ… ma’ Joe Julian Farrugia
Dil-frażi nisimgħuha spiss… “Ħajja waħda għandna!” U hekk hu. Għallinqas f’din id-dinja waħda biss għandna… jekk ma temminx fir-rinkarnazzjoni u taħseb li xi darba se terġa’ titwieled taħt xi forma oħra.
Ħlief dil-ħajja waħda, l-bniedem m’għandu xejn aktar. U f’din il-ħajja kulħadd jagħżel il-qasam tiegħu skont il-ħiliet li jkollu. Mhux kulħadd għandu l-istess kapaċitajiet, u allaħares kien hekk għax kieku d-dinja fiha ħafna nies kollha jafu jagħmlu l-istess ħaġa.
Minn dan il-fatt toħroġ raġuni għala l-bniedem għandu jikkomunika. Id-diversità ġġibna tassew qrib xulxin. Kull bniedem kapaċi f’qasam partikolari, qasam li mhux kulħadd kapaċi fih. Allura l-bnedmin ikollhom jikkomunikaw biex jaqsmu flimkien dak li kull wieħed jipproduċi, jew is-servizzi li jagħti.
Huma kollha affarijiet differenti li niġu bżonn fil-ħajja u li ħadd ma hu kapaċi jipproduċihom kollha hu f’ħajtu. U dan hu s-sabiħ tal-ħajja, bnedmin kollha differenti li għandna bżonn nikkomunikaw bejnietna għax differenti. Imbagħad issib min jibża’ mid-diversità!
Imma nkompli fuq is-suġġett. Kif għidt mill-bidu l-bniedem ħajja waħda għandu… u nemmen li f’dak li jipproduċi għandu jiddiversifika wkoll… dejjem fl-opinjoni tiegħi.
Ħa nagħti eżempju… jekk persuna huwa mastrudaxxa prim u jaf jaħdem siġġijiet tal-injam ta’ mustaċċun, mhux biżżejjed li jipproduċi s-siġġijiet u jieqaf hemm. Il-gost tal-ħajja jibda jsir monotonu jagħmel biss siġġu wara l-ieħor, dejjem l-istess rutina, imqar jekk hu biss jaf jagħmel siġġijiet perfetti. Xi darba f’ħajtu jrid jipprova xi ħaġa differenti, għax ħajja waħda biss għandna.
Forsi dal-mastrudaxxa mhux daqstant espert biex jagħmel xi tip ta’ għamara oħra, imma sabiħ li jipprova u jara l-esperjenza differenti kif tkun, imqar għall-eċċitament li pprova. Anki jekk jaf li l-prodott ġdid tiegħu mhux se jkun popolari fis-suq daqs is-siġġijiet li jagħmel is-soltu.
Għax il-ħajja mhix flus biss… u kif naslu fi tmiemha ma nistgħu nieħdu xejn minnhom magħna.
Min fil-ħajja jibqa’ jagħmel ħaġa waħda biss, jitlef ħafna esperjenzi differenti. Veru, ħadd ma hu espert f’kollox, imma l-bniedem għandu jkollu l-kuraġġ li jipprova, ma jiddejjaqx joħlom, joħloq mill-ħolm tiegħu, jiftaħ bibien ġodda għalih innifsu u għall-ġejjien jimraħ dejjem aktar. Tajjeb kemm hu tajjeb fil-qasam tiegħu, il-bniedem għandu jiskopri kemm hemm dinja ikbar u isbaħ ’il barra mir-rokna solitarja tiegħu…
Għax inkella din il-“ħajja waħda” ssir ukoll ħajja monotona.
Anki l-kittieb… jekk beda jikteb il-kanzunetti, allaħares baqa’ jikteb kanzunetti biss… għax kieku fi tmiemha jħares lura u jsib li kiteb kemm kiteb… għex sninu kollha jagħmel ħaġa waħda biss…
Jien hekk naħsibha… u int?