Radju Kafé
Kurżitajiet

Ħamiema bajda jisimha Ġiġi

WAQT IL-KAFÉ… ma’ Joe Julian Farrugia

 

Niftakarna nkantawha fil-Primarja… min jgħajjat l-aktar biex jogħġob lill-għalliema, min jgħajjat u jħaffef qabel sħabu biex juri kemm jaf it-taqbila bl-amment u min b’leħen baxx ikanta ta’ bilfors.

Ħamiema bajda jisimha Ġiġi
tiġi filgħodu tiekol minn idi.
Tiġi fit tieqa, tidħolli ġewwa
sirna ninħabbu, sirna ħbieb sewwa.
U tibqa’ ħdejja għal ħafna żmien
ma tħobbx titgħajjar, ma tmur imkien.
Fl-aħħar ngħidilha; Mur isa Ġiġi;
tiftaħ il-ġwienaħ u ttir minn idi.

Konna għadna fi żmien, u sa ċertu punt għadna sa issa, li xi ħaġa sabiħa hija dejjem bajda u xi ħaġa kerha hija sewda. Naħseb it-tnejn ħelwin, ħamiema bajda jew ħamiema mhix bajda.

Niftakar meta konna żgħar u mmorru l-Belt, kont tara l-ħamiem jinżel fl-art jipprova jsib xi jnaqqar, u ta’ tfal li aħna, konna nippruvaw nersqu lejhom imma arahom itiru ’l hemm qabel biss taħti l-ewwel pass. Ħfief wisq u allaħares le, għax kien ikun hemm min jipprova jaqbadhom.

Kienu jgħidulna li l-ħamiem ta’ Malta jibża’ għax isibu min jagħmlilhom il-ħsara. Kienu jgħidulna li barra minn Malta l-ħamiem fidil iktar u mhux imgerrex u mbeżża’ bħal tagħna. U hekk hu. Niftakar fi Trafalgar Square u fi Piazza San Marco l-ħamiem jiġi fuqek hu u jistenna li jkollok imqar ponn qamħirrum għalih.

Il-ħamiem tal-Belt minn raġel wieħed biss ma kienx jibża’… ma nafx x’kien jismu imma kien jitmagħhom kuljum. Niftakru fi Pjazza Reġina jsaffrilhom u tara mijiet ta’ ħamiem ġejjin minn fuq triq fil-viċin. U biex jiġbor xi ħaġa tal-flus biex jixtri l-għalf kien jgħajjat “Feed the Birds!” Kien isib min jagħtih xi munita… l-aktar it-turisti.

U la semmejt Venezja ma nistax ma niftakarx f’waħda mill-aktar poeżiji emozzjonanti Maltin, fl-opinjoni tiegħi… Fi Pjazza San Mark ta’ Anton Buttigieg.

Fiha l-poeta jirrakkonta kif mar f’dak il-misraħ magħruf ta’ Venezja u ħamiema ftakritu kif xi snin qabel kien mar hemm ma’ martu. Anton jgħidilha li martu kienet mietet u ċ-ċaqliq ta’ ras il-ħamiema qisu ried iweġbu “kemm nittajjar magħha fis-smewwiet!”

U llum? Illum lill-ħamiem hawn min qed jipprova jeqridhom…

Blog

IRREĠISTRA biex tirċievi l-aħħar aġġornamenti minn TVM

IRREĠISTRA HAWN