Radju Kafé
Kurżitajiet

Happy Birthday Radju Malta

WAQT IL-KAFÉ… ma’ Joe Julian Farrugia

 

Illum Radju Malta jagħlaq 46 sena. Ma kienx bidu faċli u l-isem oriġinali kien ftit differenti, imma dak kien il-bidu tal-ewwel radju wireless tal-Maltin.

Sas-snin sebgħin, ix-xandir radjofoniku f’Malta kien f’idejn il-kumpanija Ingliża Rediffusion. Kienet ixxandar permezz tal-fil lejn id-djar Maltin u kien ikollok buttuna biex tagħżel bejn żewġ stazzjonijiet.

Bil-buttuna A kont taqbad il-BBC bl-Ingliż u bil-buttuna B kont tisma’ daqq ta’ mużika u xi programmi bil-Malti. Kienu jeżistu wkoll trombi fil-pjazez biex iwasslu servizz limitat għal dawk li ma kellhomx ir-Rediffusion id-dar.

Nhar it-Tnejn 8 ta’ Jannar 1973 fl-10 ta’ filgħodu, fetaħ l-ewwel stazzjon Malti wireless… ir-Radju ta’ Malta.

L-Ingliżi ma ridux li x-xandir jgħaddi f’idejn il-Maltin u għalhekk Malta kellha tfittex l-għajnuna mingħand il-kumpanija Ġermaniża Deutsche Welle li kellha transmitters fin-Nigret.

Għall-bidu dan ix-xandir kien isir għal 4 sigħat biss kuljum: mill-għaxra sa nofsinhar u mill-erbgħa sas-sitta.

Ix-xandiriet bdew mill-bini tal-Awtorità tax-Xandir fil-Blata l-Bajda taħt iċ-Chairman Joe Grima.

Id-disk jockey ewlieni kien Norman Hamilton u fi tmiem il-ġimgħa kien jidħol Vincent Scerri.Librerija tad-diski ma kienx hemm u minbarra xi diski li nxtraw, kien hemm anki semmiegħa li taw diski minn tagħhom biex l-istazzjon ikollu xi jdoqq.

L-udjenzi Maltin sabu r-radju aktar komdu mir-Rediffusion għax setgħu joħduh magħhom fejn iridu. Infatti fl-ewwel xandiriet kienu jrebbħu settijiet żgħar tar-radju lis-semmiegħa biex jagħmlulhom is-smiegħ aktar komdu. Dawn ir-radjijiet l-istazzjon kien xtrahom lira-il wieħed.

Maż-żmien ir-Radju ta’ Malta beda jxandar skeda itwal u żdiedu preżentaturi bħal Mario Laus,John Muscat, Charles Saliba, Lino Gatt, George Martin, Patri Dijonisju, Noel Mallia, Colin Cauchi, Pawlu Gafà, John Demanuele, Koli Apap, Josette Grech, Louise Spiteri, Twanny Scalpello u Noelle Borg fost oħrajn.

Kien hemm anke preżentaturi li spiċċaw fil-politika. Francis Zammit Dimech kien jippreżenta l-breakfast show bl-isem ta’ Merħba waqt li Leo Brincat kien idoqq il-mużika rock is-Sibt filgħodu.

Ir-Radju ta’ Malta kellu storja qasira, iżda storja ta’ suċċess. Maż-żmien sar jismu Radju Malta u llum għadu r-radju ewlieni tal-istazzjon nazzjonali.

Blog

IRREĠISTRA biex tirċievi l-aħħar aġġornamenti minn TVM

IRREĠISTRA HAWN