Bonġu Kafé
Kurżitajiet

Ħarsa mill-gallarija

WAQT IL-KAFÉ… ma’ Joe Julian Farrugia

 

Ilha teżisti fostna mijiet ta’ snin. Għalija l-isbaħ element fuq faċċata ta’ dar tradizzjonali Maltija. Il-gallarija tal-injam, b’kuluri li jixirqu ma’ lewn il-ġebla tal-franka jagħtu effett mill-aktar Mediterranju fuq barra tal-imkejjen fejn ngħixu aħna u fejn għexu l-antenati tagħna.

Hemm min jgħid li l-gallarija ta’ Malta ġejja minn Spanja, eżattament minn Aragona. Hemm imbagħad min jgħid li ħadniha min-naħa ta’ fuq tal-Afrika. Fi Spanja hemm minnhom żgur. F’Palazzi antiki taħt il-ħakma Spanjola ssib gallariji aktar wiesa’ minn tagħna u b’użu differenti minn tagħna wkoll.

Ħafna drabi l-Ispanjoli kienu jibnu l-gallariji bħala kuriduri fuq barra tal-binja biex tmur minn sala għal oħra. U fil-fatt, ħafna drabi l-Ispanjoli jużaw gallariji twal kif għandna aħna fil-Palazz tal-President fil-Belt, saħansitra gallariji li jduru anki madwar kantuniera b’għadd kbir ta’ purtelli.

Min isostni li l-gallarija waslet għandna mill-Afrika ta’ Fuq, jgħid li hija influenzata mill-muxrabija Għarbija u l-użu tagħha hu biex tara barra u min ġie jżurek bla ma turi lilek innifsek. U dan jista’jkun ukoll.

Kultant nemmen li l-verità f’xi ħaġa hekk tkun fit-triq tan-nofs. Jidher li l-ewwel gallarijiet f’Malta inbnew fi żmien il-Kavallieri u allura l-effet minn Aragona ma hemm ebda dubju fuqu. Il-gallarija Maltija kif nafuha llum ma ġietx fi żmien l-Għarab.

Jista’ jkun, iżda, li minħabba li l-Kavallieri kienu jibnu l-binjiet tagħhom f’Malta permezz ta’ skjavi mill-Afrika ta’ Fuq, jista’ jkun li l-influenza tal-muxrabija kellha l-effett tagħha wkoll. Kien x’kien, nemmen li t-tnejn ħallew effett pożittiv li sarraf f’xi ħaġa Maltija.

Imma mbagħad kien hemm influenza oħra… influenza xejn pożittiva. Mis-snin sittin ’l hawn il-gallarija Maltija bdiet titwarrab u minflokha bdejna naraw gallariji tal-ġebel, uħud minnhom miftuħin qishom bitħa mdendla mal-faċċata. Din l-influenza kompliet tiżviluppa f’effet ieħor aktar tal-biża’ għax bdejna naraw gallariji tal-aluminju li kerrhu d-djar Maltin. Qishom dawgħa mal-faċċata kulur id-deheb jew il-fidda.

U dan l-aħħar komplejna nivvintaw tip ta’ gallarija ġdida. Minħabba li qed nibnu appartamenti bl-addoċċ, u nippruvaw indaħħlu kemm jista’ jkun appartamenti gabuba f’kull binja, tfaċċaw gallariji f’forma ta’ kaxxa bla gost mal-faċċata biex isservi ta’ parti minn kamra li l-pjanta ta’ tkunx ippermiettiet ta’ daqs sura ta’ nies. Allura taparsi jibnu gallarija qisha gabjetta u fil-fatt tkun parti minn kamra biex ma tidhirx żgħira żżejjed.

X’differenza minn dawk il-ġmiel ta’ gallariji kif suppost… miżbugħin bi lwien Mediterranji…

Aktar Episodji

Blog

IRREĠISTRA biex tirċievi l-aħħar aġġornamenti minn TVM

IRREĠISTRA HAWN