Joe Julian Filgħodu
Kurżitajiet

Ħelu

WAQT IL-KAFÉ… ma’ Joe Julian Farrugia

 

Ftit issib tfal li ma jħobbux il-ħelu. Illum il-ġurnata hawn biżżejjed edukazzjoni biex lit-tfal, minn ċkunithom, nippruvaw indarruhom bla ħafna ħelu minħabba l-ħsara lis-snien u lis-saħħa in ġenerali kemm fit-tfulija stess kif ukoll aktar ‘il quddiem.

Imma meta konna tfal aħna, ma konna nisimgħu xejn minn dan. Anzi min joqgħod imqareb, biex forsi jikkwieta xi ftit, iwiegħduh… xi ftit ħelu. U min imur tajjeb f’xi test l-iskola iwiegħed… il-ħelu. U jekk jiġu jarawna xi qraba mill-bogħod, xi jġibu magħhom għat-tfal? Ħelu! Il-ħelu lil kulħadd jogħġob, aħseb u ara lit-tfal.

Ma kienx żmien fejn kulħadd seta’ jkollu ħelu kemm irid fl-armarju biex it-tfal isibu kull x’ħin iridu. Il-familji kellhom ħafna tfal u l-flus fl-idejn ma kinux bħal-lum. Allura meta jixtru xi naqra ħelu, minbarra li jridu jinqasmu bejn kulħadd, kienet tkun okkażjoni speċjali.

Ma ninsiex meta konna nidħlu l-Belt u jkun hemm min ibiegħ il-ħelu… vażetti mimlijin ġid ta’ kull kulur, għamla u daqs. Ħalqek jibda jliegħeb anki tħares lejhom biss. Ikollok diffikultà liema se tagħżel: forma ta’ faqqiegħ bil-coconuts, bċejjeċ ta’ sugu b’togħma ta’ aniżett, toffee mill-artab u mill-iebes, ġuġu biz-zokkor minn barra jew togħma ta’ inbid, ħelu f’forma ta’ banana, forma ta’ bajd moqli inkella f’forma ta’ fliexken ta’ xarba magħrufa, boċċi jaħirqu ħomor idumu biex idubu f’ħalqek ħafna u mitt forma oħra ta’ zokkor manifatturat u sabiħ fil-għajn.

Insomma għażla tant wiesa’ li jew toħodlok il-ħin biex tagħżel, inkella tibki xi bikja għax tkun xtaqt “mill-oħrajn ukoll” imma “jew dawk jew l-oħrajn, mhux it-tnejn!”

Il-bejjiegħ kien ikollu qisha mgħarfa kbira, kulur il-fidda tleqq, kważi pala, biex biha jiġbor il-ħelu bla ma jmiss b’idu u jitfa’ fil-borża bajda qabel jiżen kollox.

U wara xi bikja, dan il-bejjiegħ kien jaqbad żewġ ħelwiet minn dawk li bkejt għalihom u jitfagħhomli f’idi. Illum ngħidulu marketing hux. “Darb ‘ oħra żgur mingħandu nerġgħu niġu.”

Blog

IRREĠISTRA biex tirċievi l-aħħar aġġornamenti minn TVM

IRREĠISTRA HAWN