Bonġu Kafé
Kurżitajiet

Ħerġin Tilgħabu Barra?

WAQT IL-KAFÉ… ma’ Joe Julian Farrugia

Kien żmien ieħor. Kważi ebda raħal ma kien imiss ma’ ieħor. Kull raħal kellu l-konfini tiegħu jagħtu għall-għelieqi. Kien żmien meta l-playing fields kienu għelieqi ta’ veru. Familji b’ħafna tfal, ftit riżorsi fid-djar biex iżommu t-tfal ġewwa u ġmiel ta’ kampanja f’kull raħal li tiġbed it-tfal imorru jilgħabu hemm. U jekk mhux fl-għelieqi, imqar fit-toroq.

Kien żmien meta anki l-adulti kienu jgħaddu żmien barra. Speċjalment fis-sajf, ħadd ma kellu air conditioner biex tibqa’ frisk u komdu fid-dar. Ħafna nies kienu joħorġu għal ftit frisk fuq l-għatba fis-sajf jgħidu kelma mal-ġirien… u kelma ġġib lill-oħra, u jirrakkuntaw dwar stejjer antiki li jiżżejnu u jibqgħu jingħadu minn ġenerazzjoni għal oħra bit-tiżjin u esaġerazzjonijiet b’kollox.

U t-tfal? It-tfal x’jimpurtahom mill-paroli fuq dik u fuq l-oħra li jgħidu l-kbar? It-tfal ħallihom jiġru fit-toroq imtarrbin jilgħabu noli, l-boċċi, żibeġ, ħabel, lastku, passju jew mitt logħba oħra fit-triq. U bi nhar, meta l-kbar ikollhom xogħlhom u t-tfal ikunu vaganza jew wara l-iskola, ħallihom jiġru fir-raba’. Kienet komuni tisma’ t-tfal jistiednu lit-tfal ġirien joħorġu jilgħabu magħhom barra. Għat-tfal, il-kampanja tar-raħal kienet dinja oħra… u jien ngħid li kienet anki mezz ta’ kreattività għalihom. Bogħod mix-xkiel tal-adulti, tat-televixin, tal-mezzi tal-medja soċjali, it-tfal setgħu jiżvugaw l-enerġija tagħhom bil-mod kif riedu u xtaqu huma fl-aktar ambjent ħieles tar-raħal. Ir-raħal żgħir u ristrett kellu dinja sħiħa u kreattiva għat-tfal Maltin u Għawdxin.

Illum mod ieħor. Mhux talli t-tfal ma jistednux lil xulxin joħorġu barra, talli anki l-aħwa fl-istess familja bilkemm issibhom jitkellmu. Issibhom il-ħin kollu rashom ġol-iskrin tat-tablet jilgħabu waħedhom u joħolqu relazzjoni solitarja ma’ biċċa apparat teknoloġika. Issib tfal li trid tkun xi ħarġa mal-ġenituri biex isiru jafu xi jkunu l-għelieqi, x’inhu sqaq, xi jkun razzett… jekk ma ssibhomx li jġibu t-tablet magħhom hemm ukoll.

Ħasra kif lil uliedna ma nistgħux ngħaddulhom il-ħajja li għexna aħna.

Aktar Episodji

Blog

IRREĠISTRA biex tirċievi l-aħħar aġġornamenti minn TVM

IRREĠISTRA HAWN