Radju Kafé
Kurżitajiet

Ħġieġ jew Plastik

WAQT IL-KAFÉ… ma’ Joe Julian Farrugia

 

Ħafna nies jiftakru l-ħalib u l-luminata jinbiegħu fil-ħġieġ u mhux fil-plastik. U għalkemm ilma tal-fliexken ftit kien ikun hawn, dawn il-ftit kienu jinbiegħu ukoll fil-ħġieġ. Veru li konna nisimgħu min igerger li l-ħġieġ jagħmel il-prodott itqal biex iġġorru, imma naħseb jekk tqabbel ir-raġunijiet favur u kontra l-użu tal-ħġieġ, xorta juri li l-ħġieġ huwa aħjar għal ħafna raġunijiet.

Espert m’inix, imma qrajt esperti jgħidu li l-ħġieġ ma għandu ebda kimika li tidħol fl-ikel maħżun ġo fih, mentri fil-plastik dawn jeżistu. Il-ħġieġ jista’ jinħasel f’temperaturi għolja biex jerġa’ jintuża waqt li l-plastik fi sħana kbira jerħi l-kimiċi.

Iż-żgħażagħ ta’ llum ma jiftakrux meta flixkun tal-ħġieġ kont tieħdu lura għand tal-ħanut u tingħata xi ħaġa tal-flus lura. U din is-sistema, għalkemm fl-użu tal-plastik, jidher li se terġa’ tiddaħħal b’xi mod. Imma min jiftakar dak iż-żmien jaf ukoll li l-kontenituri tal-luminati u ħalib ma kienu jiġġeneraw ebda skart. Ma kontx tara fliexken tal-plastik mormijin ’l hemm u ’l hawn.

Għax kultant ma tistax ma tinnutax kif dan kollu qed jeffettwa lis-soċjetà. L-ewwel tneħħa l-ħġieġ u minfloku ddaħħal il-plastik bla ma roħos il-prodott, imbagħad daħlet is-sistema biex lin-negozjant nirriċiklawlu l-kontenituri aħna, nerġgħu nagħtuhomlu lura u jerġa jżommilna l-flus tagħhom meta nerġgħu nixtru l-prodott. Biċċa business żul minn hawn!

Żmien ilu konna ngħidu li qegħdin ngħixu fil-Plastic Age. U ma tantx għandna biex niftaħru għax il-plastik qed jeqred l-art u l-ibħra tagħna b’mod mgħaġġel li n-natura ma tista’ qatt tlaħħaq miegħu. Fl-oċejani hemm kontinenti sħaħ ta’ plastik li ntrema mill-bniedem u nġabar fi kwantitajiet enormi..

Jalla jasal żmien meta nerġgħu nibdew nużaw il-ħġieġ minflok il-plastik. Anzi jien immur oltre u nixtieq li kull tip ta’ ikel ikun maħżun fil-ħġieġ, anki l-ikel li bħalissa nixtru fil-bottijiet jew fil-landi. Nemmen li kieku nużaw il-ħġieġ, ikollna prodott aktar iġjeniku, trasparenti biex tinduna jekk il-prodott ġewwieni jkunx tajjeb jew le, u niġġeneraw inqas skart. Lanqas temmen wieħed mill-akbar prodotti li qed jipproduċi l-bniedem… huwa skart.

Veru għandna biex niftaħru!

Aktar Episodji

Blog

IRREĠISTRA biex tirċievi l-aħħar aġġornamenti minn TVM

IRREĠISTRA HAWN