Joe Julian Filgħodu
Kurżitajiet

Ħitan tas-Sejjieħ

WAQT IL-KAFÉ… ma’ Joe Julian Farrugia

 

Kemm jidhru sbieħ bejn għalqa u oħra. U kemm jidhru sbieħ itarrġu l-kampanja tagħna fuq iż-żewġ naħat ta’ xi wied, speċjalment fix-xitwa meta l-ambjent rurali tagħna jkun ħadrani u fl-aqwa tiegħu.

Il-ħajt tas-sejjieħ huwa karatteristika ewlenija kull fejn insibu r-raba’ f’Malta u Għawdex. Mal-ewwel daqqa t’għajn dawn il-ħitan jidhru qishom borġ sempliċi ta’ ġebel mitfugħin fuq xulxin bl-addoċċ bla ebda tajn biex iżomm ġebla ma’ oħra. Imma dan mhux il-kas, għax il-bini ta’ dawn il-ħitan jeħtieġ teknika li ftit ftit, b’xorti ħażina, qiegħda tintilef.

Mhux magħruf eżatt kif bdew dawn il-ħitan, iżda ħafna jaħsbu li l-ewwel bdiewa f’Malta kienu jnaddfu l-ħamrija mill-ġebel u jwarrbu l-ġebel fil-ġenb tal-għalqa. B’dan il-proċess, il-ġebel fuq xulxin beda jimmarka tarf ta’ għalqa minn ta’ ħaddieħor. Naturalment maż-żmien il-ġebel ma baqax jintefa’ bl-addoċċ u beda jinbena fuq xulxin, b’ordni meħtieġa, biex ma tinħeliex art.

Iżda l-ħitan tas-sejjieħ m’għandhomx biss il-għan li jifirdu għalqa minn oħra, propjeta` minn oħra, jew ir-raba’ mill-isqaqien u t-toroq. L-istruttura tagħhom isservi biex meta tagħmel ix-xita bi qliel, il-ħamrija ma tinġarrx minn għalqa għal oħra u eventwalment jispiċċa jeħodha l-wied lejn il-baħar. U l-ħamrija li fadlilna rridu nibżgħu għaliha!

Il-ħitan iservu wkoll ta’ lqugħ mill-irjieħ kemm għall-uċuħ biż-żergħa kif ukoll għas-siġar tal-frott. Insibuhom iservu wkoll ta’ spalla għall-pal tal-bajtar li jkompli jagħti karatteristika unika lill-kampanja Maltija.

Barra minn hekk, fil-kenn tal-ħitan insibu diversi ħlejjaq bħal bebbux, gremxul u sriep żgħar. Insibu wkoll ċerti pjanti u fjuri li jkomplu jsebbħu l-ambjent minbarra għadd ta’ dud u insetti li huma meħtieġa għas-sistema ekoloġika u allura għall-agrikoltura in ġenerali. Uħud minn dawn il-ħlejjaq issibhom biss f’pajjiżna u ħasra kieku kellhom jintilfu għal kollox minħabba t-traskuraġni, jew ir-regħba, tal-bniedem.

Minbarra l-bniedem, jista’ jkun ukoll il-maltemp li jwaqqa’ dawn il-ħitan u dak jista’ jkun ta’ detriment anke għall-biedja nnifisha.

Blog

IRREĠISTRA biex tirċievi l-aħħar aġġornamenti minn TVM

IRREĠISTRA HAWN