Bonġu Kafé
Kurżitajiet

Ħobża Tqarmeċ tal-Malti

WAQT IL-KAFÉ… ma’ Joe Julian Farrugia

 

Kien meqjus bħala l-ikel tal-foqra imma ngħid għalija huwa ċelebrità. Naħseb huwa l-aktar ikel li aħna l-Maltin nimmissjaw meta nsiefru. Inħobbuha kemm bil-butir kif ukoll biż-żejt… anzi meta mmorru nixorbu xi mkien, nistennew ftit ħobż imqatta’ żgħir biż-żejt u t-tadam bħala appetiser! Anki t-turisti li jżuruna jgħidu li l-ħobż tagħna tajjeb wisq.

Il-ħobża tal-Malti ġġibli ħafna tifkiriet. Meta kont tifel, il-ħobż kien bir-ration, jiġifieri kull familja kienet intitolata għal ammont ta’ ħobż bi prezz issussidjat. U biex il-furnar jagħti dak l-ammont, ma kienx inewwillek ħobża u daqshekk. Kien jiżinha u jekk ma tkunx biżżejjed, jaqsam ħobża oħra biex iġib l-użin li suppost. Dik il-biċċa ħobża żejda konna nsejħulha ġonta, u kif konna naslu d-dar, tkun għadha sħuna, konna nidilkuha bil-butir u tinżel għasel.

L-aktar raħal magħruf għall-ħobż huwa Ħal Qormi, tant hu hekk li fi żmien il-Kavallieri kien magħruf bħala Casal Fornaro, raħal il-furnara. Jgħidu li naqsu ħafna l-furnara f’belt Pinto. Imma jalla qatt ma tmut il-ħobża oriġinali. Minbarra l-forn tal-ħatab, jużaw it-tinsila, jiġifieri biċċa għaġna mill-ġurnata ta’ qabel li tkun nisslet ħmira naturali li titħallat mal-għaġna kollha. Fil-fatt il-kelma ġejja mill-verb tnissel.

Il-ħobż kien anki fl-istorja tagħna. Fis-7 ta’ Ġunju 1919 il-Maltin irribellaw, fost oħrajn għax kien se jogħla l-prezz tal-ħobż. Kien dak iż-żmien li l-ħobż kien meqjus bħala ikel tal-foqra, anzi kien l-uniku ikel tal-foqra. U allura kienu attakkaw id-djar tal-importaturi tad-dqiq biex iħarsu l-għajxien ta’ familthom.

Fi lsienna nużaw il-kelma ħobża f’diversi tifsiriet. Min għandu bżonn kbir ta’ xi ħaġa ngħidulu li għandu bżonnha daqs il-ħobż. Meta nistaqsu dwar xi karattru nistaqsu x’ħobż jiekol u jekk ma jkunx minn tagħna ngħidu li ma fihx ħobż. Bniedem li stagħna, ngħidu li ħobżu maħbuż; waqt li xi ħadd li spiċċa bla xogħol ngħidulu li tilef ħobżu. U jekk xi biċċa negozju tirrendi, ngħidu li kien fiha biċċa ħobż ġmielha.

Aktar Episodji

Blog

IRREĠISTRA biex tirċievi l-aħħar aġġornamenti minn TVM

IRREĠISTRA HAWN