Bonġu Kafé
Kurżitajiet

Ħudni t-Talkies

WAQT IL-KAFÉ… ma’ Joe Julian Farrugia

 

Kienet ħarġa regolarissima. Fi żmien meta video id-dar ma kienx jeżisti, Netflix lanqas u l-uniku ċans biex tara film kienu ż-żewġ stazzjonijiet black and white li konna naqbdu fuq it-televixin, li tmur tara film it-talkies kienet xi ħaġa speċjali.

Niftakar meta ħuti l-kbar kienu għarajjes, fi tmiem il-ġimgħa kienu jmorru ċ-ċinema, u biex imorru s-Sibt jew il-Ħadd kien ikollhom jidħlu l-Erbgħa jaqtgħu il-biljetti. U jekk ma jistgħux l-Erbgħa u jfettlilhom imorru l-Ħamis, ġieli biljetti ma sabux, għax ikunu nbiegħu kollha.

Daqshekk kien imfittex it-talkies il-Belt. U dak iż-żmien il-belt biss kien hemm xi 5 swali kbar. Kienet drawwa liu wara l-Belt film imur Tas-Sliema imbagħad wara jdur is-swali tat-talkies fl-irħula. Tant kien hawn swali li fil-gazzetti kienu jiddedikaw kważi kwart ta’ paġna biex iġibu x’films se jidhru dakinhar fis-swali diversi. Niftakar fuq gazzetta minnhom, taħt ir-reklami tal-films kollha kien ikun hemm dejjem l-
istess slogan: IDDEVERTI, MUR IT-TALKIES!

L-ewwel darba li ħaruni t-talkies kont mort ma’ ommi u missieri l-Coliseum il-Belt u rajna The Sound of Music. U t-tieni darba ħaditni z-zija Stella l-Orpheum il-Gżira u rajna Chitty Chitty Bang Bang. Imbagħad meta morna noqgħodu Raħal Ġdid kienu joħduna kull xahar tal-iskola: il-bniet il-Viceroy u s-subien it-Tivoli… dejjem xi film tal-avventura, naturalment għat-tfal. U ħallina nċapċpu, naqbżu u nogħlew meta
jirbaħ l-eroj.

Meta bdejt noħroġ ma’ sħabi u bdejna mmorru t-talkies, il-qatla tiegħi kienet dejjem meta kont ninzerta lil xi ħadd qrib imeċlaq xi pakkett krips u jien nipprova nifhem il-film, inkella meta kont ninzerta xi koppja jinnamraw quddiemi, u biex nara rrid noqgħod niċċaqlaq ‘l hemm u ‘l hawn skont il-pożizzjoni tagħhom.

Jien qatt ma nnamrajt it-talkies… film immur narah mhux naħdmu jien. Darba kont se nitkeċċa mix-xogħol minħabba film. Tant kien għoġobni History of the World Part 1. Kont ix-xogħol l-Excelsior u ħabib tiegħi qalli rridx immur nerġa’ narah. Rajt kif irranġajt biex jidħol ieħor minfloki x-xogħol, imma aħna u ħerġin nara lill-General Manager fil-gallarija tal-lukanda jgħajjat “Fejn sejrin dawk it-tnejn?”

Insomma, ma riedx jifhem li kont ħadtha leave u bilkemm ma keċċiniex… imma għaddiet, erġajt dħalt xogħol u l-film erġajt rajtu darb’ oħra.

Aktar Episodji

Blog

IRREĠISTRA biex tirċievi l-aħħar aġġornamenti minn TVM

IRREĠISTRA HAWN