Joe Julian Filgħodu
Kurżitajiet

Id-Disco

WAQT IL-KAFÉ… ma’ Joe Julian Farrugia

Kien ġeneru li nħoloq lejn l-aħħar tas-snin sebgħin. Għalkemm kien ilu jeżisti taħt forma jew oħra.

Kien hemm il-ballroom, imbagħad bdiet l-era tad-“dance” li ħafna drabi kien jinvolvi gruppi mużikali Maltin fi swali fil-bliet u rħula, sakemm il-mużika ma baqgħetx live, bdew jindaqqu d-diski u b’hekk beda d-disco.

Kienet l-għaxqa taż-żgħażagħ li jmorru d-disco. Speċjalment mindu kien ħareġ il-film Saturday Night Fever, id-disco sar il-post l-aktar imfittex miż-żgħażagħ fi tmiem il-ġimgħa. Il-ħinijiet ma kinux bħal-lum.

Id-disco kien jiftaħ fis-6pm u sad-9pm ħafna jkunu diġà ħasbulu lejn id-dar, ħafna minnhom bil-karozzi tal-linja.

Għall-bidu ma kienx hawn diskoteki magħmula apposta għad-disco. Allura kienu jintużaw swali oħrajn, jew dawk li kien isir id-dance fihom.

Fost oħrajn, kienet magħrufa s-sala tal-ballroom tal-Phoenicia, is-sala tas-Sixth Form fi Triq Merkanti l-Belt u s-sala tal-Polytechnic fl-Imsida f’serati organizzati minn xi ħadd li għandu l-apparat biex idoqq.

Kienu jattendu eluf, mhux mijiet. Id-dj fuq palk żgħir idoqq id-diski, xi ftit bozoz b’kuluri differenti u mirror ball biex il-kuluri tal-bozoz jidhru jiżfnu madwar is-sala bħaż-żgħażagħ.

Dak iż-żmien kienet magħrufa d-drawwa li min ma jkollix diġà wieħed jew waħda ma’ min jiżfen, idur mas-sala ħafna drabi tip ta’ kju twil għat-tond, sakemm isib lil xi ħadd.

Imbagħad bdew jiftħu d-diskoteki kif konna naraw fuq il-films. Min kien żagħżugħ dak iż-żmien żgur ma jinsiex l-iStyx f’San Ġorġ, id-Dewdrops u d-Duke’s f’Paceville, il-Vibes f’Tal-Balal, ir-Raffles f’Sant Andru, l-iStownes f’Bugibba u oħrajn.

Kollha bdew iġibu dwal u apparat awdjofoniku biex jikkompetu u jiġbdu aktar klijenti. U l-klijenti, wara serata d-disco, kienet l-għaxqa tagħhom jgħaddu sa Għar id-Dud għal xi bezzun tajjeb qabel imorru jorqdu d-dar.

Tant kien in voga d-disco li anki Xandir Malta kien ixandar programm fejn l-istudjo kien jinbidel f’diskoteka kull nhar ta’ Sibt waranofsinhar.

Jippreżenta kien Norman Hamilton. Anki l-moda kien jeffettwaha d-disco, per eżempju kien moda ċintorin apposta, bl-aħħar parti mdendla għal isfel u kien jissejjaħ Disco Belt.

Insomma kienet ħajja mod ieħor…

Blog

IRREĠISTRA biex tirċievi l-aħħar aġġornamenti minn TVM

IRREĠISTRA HAWN