Bonġu Kafé
Lokali

Id-Dubbien u n-Nemus

WAQT IL-KAFÉ… ma’ Joe Julian Farrugia

Idejquk ikunu fejn ikunu, imma huma parti mill-ħolqien bħali u bħalek. Għandhom il-parti tagħhom fis-sistema tan-natura, imma meta jżuruna fid-dar, xejn ma nieħdu pjaċir bihom. Probabbli lanqas huma ma tant jieħdu pjaċir, għax b’xi mod ikunu ntilfu u spiċċaw magħluqin bejn erba’ ħitan, bogħod mill-ambjent naturali tagħhom. Id-dubbien u n-nemus jidħlu fi djarna, probabbli għax jaraw id-dawl fuq ġewwa wara li tinżel ix-xemx u jimxu warajh… minn ġot-twieqi u l-bibien tagħna. U lilna jdejquna!

Idejjaqna n-nemus għax iniggeż, l-aktar fis-sajf. Ma tista’ tħalli mkien miftuħ għall-arja għax jidħlu minn kull xaqq jew toqba. U kultant iniġġeż tant irqiq li jġiegħelk tħokk għal ħafna ħin sakemm ittella’ l-ġilda dbabar dbabar. U jdejjaqna d-dbbien għax fitt. Anzi hawn min jgħid li d-dubbien t’Għawdex fitt iktar. Ma nistax nifhem kif ta’ Malta u t’Għawdex differenti. Jekk m’humikex kapaċi jtiru dawn it-tliet mili li aħna bogħod minn xulxin, għallinqas naħseb ġieli d-dubbien tela’ fuq il-vapur u vvjaġġa bejn il-gżejjer hu wkoll. Daqs kemm hu fitt, żgur tela’ l-vapur! Jiġifieri ma nemmen b’ebda differenza bejn ta’ Malta u t’Għawdex.

Fuq kollox dawn iż-żewġ insetti huma relatati ma’ mard u ħmieġ. In-nemus imsemmi għall-malarja u d-dubbien għandu ħabta jpoġġi fuq il-ħmieġ imbagħad itir għal fuq in-nies.

Minn kollox isir biex inżommuhom bogħod minna. Niftakar il-Flit… tippompja u tifflittja biex tkeċċi d-dubbien u n-nemus… u r-riħa pessma kienet tispiċċa tkeċċi l-umani wkoll! Maż-żmien bdew ħerġin ukoll sprays aktar moderni, b’inqas riħa tinten, kultant b’riħa pjaċevoli, u xorta jkeċċu l-insetti.

Anki purtieri kienu minn dejjem isiru biex id-dubbien u n-nemus ma jidħolx. Kienu jsiru purtieri tax-xibka rqiqa biż-żibeġ mat-tarf t’isfel biex bit-toqol ma jittajrux bir-riħ. Inkella l-insetti jkollhom lok minn fejn jiżgiċċaw ‘il ġewwa. Anki dawn il-puirtieri ġew addattati maż-żminijiet. Illum insibu xbieki apposta li jitpoġġew fit-twieqi u jagħlqu kull dħul possibbli.

Allura kif in-nemus u d-dubbien ġieli jidħlu wkoll?

Aktar Episodji

Blog

IRREĠISTRA biex tirċievi l-aħħar aġġornamenti minn TVM

IRREĠISTRA HAWN