Radju Kafé
Lokali

Id-Duluri… il-mara li tilfet lil binha

WAQT IL-KAFÉ… ma’ Joe Julian Farrugia

 

Id-Duluri… ġurnata meta Malta kollha tidħol f’qoxritha, forsi aktar mill-Ġimgħa l-Kbira. Ġimgħa eżatt qabilha. Fuq il-postijiet tax-xogħol jagħmlu xi xbieha bil-fjuri u x-xemgħa quddiemha. Saħansitra, jekk ma jkunx hemm xi knisja viċin, jorganizzaw xi quddiesa.

Filgħaxija f’kull belt u raħal madwar Malta u Għawdex tara sriebet twal ta’ nies fil-purċissjonijiet. In-nies tikkonkorri, min għax devot u min għal xi wegħda… kollha wara l-vara tal-mara mbikkija… il-mara li tilfet lil binha… b’sejf minfud ġo fiha.

Fil-fatt il-Knisja ma tiċċelebrax biss dulur wieħed ta’ Marija, imma sebgħa. Dawn huma:

  1. Meta ħadu lit-tarbija Ġesù fit-tempju u Xmun qal lil Marija li “Sejf għad jinfidlek ruħek!”
  2. Il-ħarba lejn l-Eġittu minħabba li Erodi ried joqtol lil Ġesù
  3. Meta Marija u Ġużeppi tilfu lil Ġesù u sabuh wara tlett ijiem fit-tempju
  4. Meta Marija ltaqgħet ma’ Ġesù hu u tiela’ l-kalvarju
  5. Il-mewt ta’ Ġesù fuq is-salib
  6. Meta tawha lil Ġesù mejjet fi ħdanha
  7. Id-difna ta’ binha

Huma seba’ duluri li jqanqlu poplu… u l-folol jimxu warajha… imma llum biss?

Kultant ninsew li d-duluri jseħħu kuljum madwarna. Ninsew li x-xena ta’ mara mbikkija quddiem il-mewt ta’ wliedha ma ġratx elfejn sena ilu fuq l-għolja tal-Golgota biss. F’pajjiżi fejn hemm il-ġuħ din tiġri regolarment. F’pajjiżi fejn hemm il-gwerra tiġri spiss ukoll. U fost nies li jfittxu refuġju teżisti wkoll.

Imma b’dawn l-aħbarijiet ftit nisimgħu. Il-medja maħkuma mill-monopolju kummerċjali twasslilna li trid, tagħżel hi xi xxandar, skont f’liema pajjiż, u skont liema tkun il-fazzjoni milquta. Is-slogans bħal Je Suis Charlie ma jezistix għal kull kas simili.

Il-każi li semmejt ma jimxux folol warajhom. Jekk inkunu nafu bihom forsi bilkemm jimpurtana. Forsi, meta jaslu, ċerti aħbarijiet qed nidrawhom u ftit nagħtu kashom. U sadattant, bir-razziżmu u l-alabibiżmu fostna nibqgħu immorru nimxu wara d-Duluri… wara omm Kristu li ġie biex ikisser il-firda fostna.

Lil Marija nsejħulha Ommna. U l-Omm imbikkija mhix tibki biss għal binha li ssallab. Għandha għal xiex tibki lilna wkoll.

Blog

IRREĠISTRA biex tirċievi l-aħħar aġġornamenti minn TVM

IRREĠISTRA HAWN