Bonġu Kafé
Kurżitajiet

Id-Dura

WAQT IL-KAFÉ… ma’ Joe Julian Farrugia

Il-kaċċa u l-insib huwa passatemp komuni ħafna fost in-nies tal-kampanja. Ħafna jqattgħu ħinijiet twal biex jaqbdu tajr jew għasafar tal-għana. Hawn min jgħid li fl-imgħoddi kien hawn iktar u hawn min jgħid li maż-żmien żdiedu. Naturalment issib ħafna li huma kontra l-kaċċa u l-insib. Fl-imgħoddi ftit kont issib minn dawn imma maż-żmien dejjem żdiedu.

Imma insomma, taqbel jew ma taqbilx mal-kaċċa u mal-insib, id-dura hija parti mill-ambjent rurali tagħna. Din id-dura kienet post fejn il-bniedem jinħeba biex it-tajra jew għasfur ma jitgerrixx. U minkejja li l-insib u l-kaċċa huma kontroversjali, allaħares kellna nneħħu xi dura mill-kampanja għax inkunu neħħejnaparti mill-istorja rurali tal-gżejjer tagħna… u nittama li din jaqbel magħha kulħadd.

Fl-imgħoddi kien ikollok min ma kellux xi biċċa art tiegħu, u allura kien jikri għalqa biex minflok tinżera’, tintuża għall-kaċċa jew l-insib. In-nassaba kienu jarmaw mansab bid-dura maġenbu filwaqt li l-kaċċaturi kienu jużaw id-dura biss.

Id-dura kienet tkun kamra żgħira tonda, għalkemm instabu duri kwadri wkoll, mibnija bil-ġebel tas-sejjieħ. Issib duri bla saqaf jew oħrajn imsaqqfa biċ-ċarruta jew biz-zkuk u l-qasab biex ftit jagħtu fil-għajn lit-tajr u għasafar tal-għana.

Fid-dura l-kaċċatur kien jistaħba biex jispara fil-waqt li n-nassab kien jistaħba bil-ġbid f’idejh; ħabel jew rumnell, u l-lenez tat-taħrik biex jiġbidhom u jċaqlaqhom meta jkun meħtieġ. Bla dubju, minħabba t-tul ta’ ħin li jqattgħu fid-dura, speċjalment filgħodu maż-żerniq, jew filgħaxija f’ħin l-għabex, il-kaċċatur jew nassab kienu jbatu l-bard fid-dura. Allura minbarra xi ikel, dejjem jieħdu magħhom xi termos bil-kafè biex jisħnu xi ftit.

Biex jinġibdu l-għasafar u t-tajr lejn fejn jixtiquhom il-kaċċatur u n-nassab, dan in-nies fl-aħħar għexieren ta’ snin, ħawlu fl-għelieqi tagħhom għadd ta’ siġar. U naturalment, it-tajr u għasafar jinżlu jistrieħu fis-siġar. Dawn is-siġar, minbarra għall-użu tal-kaċċa u l-insib, sebbħu mhux ftit lill-kampanja Maltija u Għawdxija. Jiġifieri, minkejja kull kontroversja, it-tħawwil ta’ dawn is-siġar żgur kien ta’ ġid għall-ambjent tagħna.

Blog

IRREĠISTRA biex tirċievi l-aħħar aġġornamenti minn TVM

IRREĠISTRA HAWN