Bonġu Kafé
Kurżitajiet

Id-Duwa tal-Madalena

WAQT IL-KAFÉ… ma’ Joe Julian Farrugia

 

Il-frażi Duwa tal-Madalena tissemma’ ħafna fl-episodji ħelwin tal-koppja Wenzu u Rożi. Biha Wenzu kien jirreferi għall-inbid li tant kien iħobb. Infatti Wenzu kien iħobb iqatta’ ħafna ħin fil-ħanut ta’ Kurun biex ibill griżmejh bl-inbid, minkejja l-inkwiet li kienet taqlagħlu d-dar Zolli, li kienet oħt martu Rożi.

Ħanut tal-inbid kien komuni ħafna fl-irħula fl-imgħoddi. Kien post għall-irġiel biss, fejn kienu jgħaddu siegħa jgħidu kelma wara x-xogħol huma u jniżżlu xi pinta duwa tal-Madalena. Naturalment għal storja bħal ta’ Wenzu, il-ħanut tal-inbid kien bżonnjuż. Imma l-awtur Ġorġ Zammit ma ħoloqx il-ħanut sempliċiment biex joħloq xenarju raħli fejn imur jixrob Wenzu. Pjuttost bil-kontra. Il-ħanut ta’ Kurun kien jeżisti tabilħaqq f’Ħal Qormi. U kien madwaru li l-avukat Ġorġ Zammit ħoloq il-ħrejjef ħelwin dwar Wenzu u Rożi u mhux bil-kontra.

B’differenza mill-pubs Ingliżi fejn l-irġiel wara x-xogħol jintefgħu fuq il-birra, il-Maltin kienu jduru għal xi pinta inbid. It-tkabbir tal-għeneb f’Malta ilu jsir eluf ta’ snin. Il-klima u l-ħamrija tagħna huma kompatibbli ħafna mad-dielja u jagħtu togħma partikolari lill-frott tagħha. U allura l-għasir tiegħu ma jistax ma jkunx favorit mal-bdiewa u l-bqija tal-poplu.

Jingħad li l-inbid f’Malta ilu jsir minn żmien il-Feniċi, eluf ta’ snin ilu. Infatti minn skavi li saru fi Mġarr ix-Xini f’Għawdex, jidher li fil-post kien hemm fejn ikun magħsur l-għeneb għall-inbid anki minn elf sena qabel Kristu.

Fost il-ħafna tipi differenti ta’ għeneb li jitkabbru u jingħasru għall-inbid, insibu l-Ġellewża għall-inbid aħmar u l-Girgentina għall-abjad. Dawn huma tipi indiġeni u allura purament Maltin. Iżda maż-żmien il-bdiewa esperimentaw anki b’tipi li nġiebu minn barra biex ikabbru l-possibiltà tas-swieq tagħhom.

Illum ħafna għelieqi madwar Malta u Għawdex li qabel kienu jinżergħu bi frott ieħor qegħdin ikabbru l-għeneb għall-inbid. Minbarra għall-inbid lokali, ikun esportat ukoll il-prodott għal inbid f’pajjiżi oħrajn.

Imma tagħna jibqa’ tagħna. U żgur m’hawnx itjeb minn tazza inbid ta’ Malta ma’ bċejjeċ ta’ ħobż biż-żejt, bigilla u ġbejniet tal-bżar!

Aktar Episodji

Blog

IRREĠISTRA biex tirċievi l-aħħar aġġornamenti minn TVM

IRREĠISTRA HAWN