Joe Julian Filgħodu
Lokali

Id-Dwejra

WAQT IL-KAFÉ… ma’ Joe Julian Farrugia

Ġenna tan-natura f’Għawdex. Issemmiet ħafna fl-aħbarijiet meta l-famuża tieqa tal-blat iġġarrfet u spiċċat mgħerrqa taħt wiċċ il-baħar f’Marzu tal-2017. Iżda l-post xorta baqa’ popolari ma’ kulħadd għax id-Dwejra għandha ħafna u ħafna x’toffri.

Tinsab in-naħa tal-Punent t’Għawdex imfittxija mill-Maltin, Għawdxin u barranin li jħobbu l-ambjent naturali. Int u nieżel mir-raħal ħelu ta’ San Lawrenz, mal-ewwel tilmaħ il-beraħ tal-baħar ma jispiċċa qatt li fuqu jinbidlu l-ilwien ma’ kull inżul ix-xemx f’nofs l-orizzont. Tassew ħaqqha ritratt kuljum.

Il-famuża tieqa kienet iffurmat b’mod naturali. Blata enormi maħruġa fuq il-baħar li f’nofsha waqgħet biċċa kbira biex iffurmat tieqa naturali. Il-qawwa tal-baħar speċjalment fil-maltemp kien li ffurmaha, u hu kien li ġarrafha. Maż-żmien kien ikun innutat kemm is-”saqaf” tat-tieqa kien qiegħed jittiekel. U għalxejn iwaħħlu f’min kien jitla’ fuqha, għax daqs il-qawwa tal-elementi naturali, ma jistax jibdilha t-toqol tal-bniedem. F’baħar miftuħ bħal dak, xejn ma jżomm il-mewġ milli jiknes kulma jsib quddiemu. U fl-aħħar messha t-tieqa wkoll.

Maġenb fejn kienet it-tieqa hemm ukoll il-Blue Hole, toqba kaħla. Din hija ħifra fil-baħar, imdawra bil-blat li tinfed mal-baħar kbir minn taħt wiċċ l-ilma. Jingħad li hemm taħt hemm meravilja sħiħa li jgawduha l-mijiet ta’ għaddasa li jiġu apposta għaliha minn kullimkien, magħrufa għall-qroll li jikber fl-inħawi.

Hemm ukoll il-baħar magħluq, Inland Sea. Hawn jinżammu d-dgħajjes li joħorġu lejn il-baħar minn ġo għar, mina naturali twila 65 metru. Tant hi dejqa din il-mina li dgħajsa kemm kemm tgħaddi biex tkun tista’ toħroġ fuq barra. Il-baħar magħluq huwa mdawwar minn blat għoli ħafna iżda l-baħar ġewwieni huwa baxx ħafna. Min-naħa l-oħra kif toħroġ barra ssib baħar fond madwar 35 metru.

Hemm ukoll it-Torri tad-Dwejra fuq naħa minnhom, wieħed mit-torrijiet tal-Gran Mastru Lascaris. F’nofs il-bajja hemm ukoll il-Ġebla tal-Ġeneral li fuqha jingħad li tikber pjanta endemika meqjusa bħala mediċinali.

Jalla d-Dwejra tibqa’ naturali kif nafuha.

Blog

IRREĠISTRA biex tirċievi l-aħħar aġġornamenti minn TVM

IRREĠISTRA HAWN