Bonġu Kafé
Kurżitajiet

Iġri kul il-Prinjolata qabel jibda r-Randan

WAQT IL-KAFÉ… ma’ Joe Julian Farrugia

 

Tajba tafux. Imma fiha wisq zokkor. Qabel konna nixtruha bl-użin biss, u jservuk minn Prinjolata daqsiex qisha koppla kbira. Illum minbarra li għadhom ibigħuha bl-użin, issib ukoll Prinjolati żgħar u saħansitra bċejjeċ fid-daqs ta’ pasta, porzjon wieħed.

Il-Prinjolata llum issib ħafna riċetti kif tagħmilha imma jgħidu li fl-imgħoddi l-bażi tagħha kienu jkunu pasti xotti li jkun fadallu l-furnar. Kienet simili għall-mod kif il-pudina kienet issir mill-ħobż li jkun fadal. Ma kienx żmien li taħli u allura kulma kien jibqa’ kienu jisfruttawh. U hekk għandu jkun. Imma llum tant sirt issib tixtriha minn kullimkien li allaħares kien fadlilhom dawk il-pasti kollha.

Hija l-ħelu tradizzjonali tal-Karnival ta’ Malta. Jgħidu li kienu jużaw fiha l-butter cream. Ir-raġuni hi li peress li l-Karnival jiġi fix-xitwa, ma jkollokx għalfejn iddaħħalha fil-friġġ u xorta tibqa’ tajba għax il-butter cream ma jdubx. U tħares lejha fiha għaxqa wkoll. Jiksuha bl-ixkuma u fuqha jitfgħu ħjut irqaq taċ-ċikkulata u jżejnuha biċ-ċirasa, konfettura u ħafna prinjol. U minn hemm ġej isimha.

Il-prinjol huwa ż-żerriegħa tas-siġra taż-żnuber. Fil-belt ta’ Ġenova jużaw il-prinjol fil-Pesto… dik ir-riċetta tal-ħabaq għal fuq l-għaġin. Aħna nużawhom fil-Prinjolata. Niftakar meta konna noqgħodu l-Gżira, ġieli konna ninżlu l-ġnien ta’ ħdejn il-Yacht Marina, konna nsejħulu “l-Villa”. Hemmhekk kien hemm, u għad hemm ħafna siġar maturi taż-żnuber.

U kull meta naraw xi prinjola li għadha kif taqa’ friska u għadha mhix mimsusa minn xi insetti, konna noħduha magħna għand in-nanna u nħalluha tisħon maġenb il-heater tal-pitrolju. Bis-sħana l-prinjola kienet tinfetaħ waħedha u minnha joħorġu ż-żerriegħa tal-prinjol u konna nikluhom sħan.

Il-Prinjolata diġà għidt li fiha ħafna zokkor. U dan fih sinjifikat ukoll. Il-Karnival jiġi eżatt qabel fir-Randan ma kinux jieħdu ebda ħelu. Lanqas laħam ma kienu jieklu f’dawk l-erbgħin jum. Għalhekk jismu Karnival – carne vale – jiġifieri laħam jiswa… sakemm jibda r-Randan u ma jiswiex aktar. U hekk il-ħelu. Jieklu l-Prinjolata mimlija zokkor biex ipattu għal erbgħin jum sagrifiċċju li jkunu ġejjin.

Illum sar għandna ħafna prodotti sugar-free. Il-luminati, mustardini u elf ħaġa oħra tista’ toħodhom bla zokkor. Il-Prinjolata tant fiha zokkor li biex tieħu waħda sugar-free, ikollok tixtri pakkett prinjol… għax jekk tneħħi z-zokkor kollu, l-prinjol biss jifdal.

Aktar Episodji

Blog

IRREĠISTRA biex tirċievi l-aħħar aġġornamenti minn TVM

IRREĠISTRA HAWN