Bonġu Kafé
Kurżitajiet

Il-Bambin

WAQT IL-KAFÉ… ma’ Joe Julian Farrugia

 

Inżejnu kemm inżejnu, iċ-ċentru tal-festi tal-Milied huwa l-Bambin. Lil Ġesù tarbija nsejħulu Bambin, bħalma t-Taljani jsejħu tarbija, jiġifieri bambino. Sew jekk ikunx ġo xi presepju jew inkella mżejjen waħdu, dar imżejna mingħajr Bambin ikollha nuqqas kbir.

Meta konna żgħar, fid-djar ma kontx issib il-Bambini lussużi li nsibu nixtru llum. Allura tgħidx kemm konna nistennew l-aħħar lezzjoni tal-Mużew qabel il-Milied biex jagħtuna Bambin żgħir. Kien ikun Bambin tax-xemgħa waħdu ġo grotta żgħira tal-kartapesta, bla Madonna, bla Ġużeppi u bla baqra u ħmara… Bambin biss mimdud fuq ftit tiben milli kienu jużaw meta jaħżnu xi ħaġa tinkiser f’xi kaxxa.

Arana kulħadd ħiereġ ferħan mill-Mużew biex immorru d-dar nuru lil tal-familja x’Bambin qlajna. Konna nixtiequ noħorġu niġru biex infittxu nuru xi qlajna, imma ma konniex niġru biex nibżgħu għall-Bambin.

Dawk il-Bambini żgħar kienu jsejħulhom Bambini tas-sold… għax sold kienu jiswew. Il-grotta kienu jaħdmuha tal-Mużew biex kulħadd ikollu l-Bambin ġo daru.

Fil-ħwienet, iżda, kont tara Bambini aktar fini… tax-xemgħa kont issib anki ikbar minn dak li jagħtu tal-Mużew, u kien hemm ukoll tal-ġibs, tat-tafal jew tal-kartapesta. Mhux kollha kienu jsiru fil-forma u allura kien ikun hemm minnhom mhux sbieħ daqs l-oħrajn.

Kien hemm min jiftaħar li d-dar għandhom Bambin ta’ Spanja, jew saħansitra ta’ Leċċe. Dawn kienu jkunu fini u filgħaxija konna nitgħaxxqu quddiem xi tieqa mixgħula naraw xi Bambin kbir mimdud fil-maxtura qiegħed iberikna b’idu ċkejkna. Niftakar oħrajn bilqiegħda fuq blata, jew inkella mlibbes bi lbies issatinat sabiħ. Darba niftakar ukoll Bambin naqra kbir bi globu f’idu biex juri li hu s-Sultan tad-dinja.

Naturalment fit-twieqi dejjem ikunu mżejnin mhux biss bil-bozoz żgħar ikkuluriti, imma wkoll bil-ġilbiena bajda silġ qisha kobba ħajt tal-fidda ddawwar riġlejn il-Messija.

Kien hawn Bambini tal-maxtura li meta joqrob it-Tre Re, kienu jpoġġuhom fuq siġġu, għax il-Bambin ikun kiber, u kienu jorbtuh mas-siġġu biex ma jaqax.

U bilħaqq, meta minbarra wara t-twieqi bdejna naraw anki Bambini mżejnin fir-roundabouts… ġieli sabu min jisraqhom ukoll!

Blog

IRREĠISTRA biex tirċievi l-aħħar aġġornamenti minn TVM

IRREĠISTRA HAWN