Bonġu Kafé
Kurżitajiet

Il-Bandiera

WAQT IL-KAFÉ… ma’ Joe Julian Farrugia

 

Fl-imgħoddi kull tribù jew ġens kien ikollu l-istandard tiegħu, xi ħaġa biex jingħaraf minn ġnus oħra, speċjalment f’xi battalja. Anzi waqt battalja, jekk l-għadu rebaħlek l-istandard, ikun rebaħlek. Maż-żmien l-istandard inbidel f’bandiera tad-drapp li tintuża mhux għall-gwerra imma biex tingħaraf l-identità ta’ poplu.

Il-bandiera oriġinali ta’ Malta kien fiha żewġ kuluri vertikali; l-abjad mal-arblu u l-aħmar fuq in-naħa ta’ barra. It-tradizzjoni tgħid li l-ilwien tahomlna l-Konti Ruġġieru fl-1090. Kien wasal fuq artna bil-flotta Normanna wara li rebaħ lil Sqallija… infatti kien sar magħruf bħala Ruġġieru I ta’ Sqallija. Jingħad li l-insara Maltin offrewlu li jiġġieldu spalla ma’ spalla miegħu kontra l-Misilmin ħakkiema ta’ Malta. U biex l-insara lokali jingħarfu mill-Misilma, jgħidu li ċarrat parti mill-kuluri ċċangjati tiegħu u tana l-abjad u l-aħmar. Ħafna jsostnu li din hija biss ħlieqa. Issib min jassoċja l-kuluri tagħna mal-ilwien tal-kavallieri li huma wkoll bojod u ħomor. Insomma tahomlna min taholmna, dawk huma l-kuluri tal-bandiera tagħna.

Fil-15 t’April 1942 r-Re Ġorġ VI tar-Renju Unit ta l-George Cross lil Malta minħabba l-qlubija li wrew missirijietna fit-Tieni Gwerra Dinjija. F’dan is-salib tal-fidda jidher San Ġirġ u hemm il-kliem “For Gallantry”. Dan is-salib ġie inkorporat fuq l-abjad tal-bandiera n-naħa ta’ fuq imiss mal-arblu. Meta ddaħħal fil-bandiera kellu kaxxa blu taħtu. Imma meta Malta ħadet l-Indipendenza fl-1964, il-kaxxa blu tneħħiet u minflok illum il-George Cross jinsab imdawwar biss b’linja ħamra rqiqa. Dan sar biex is-salib ikun inqas prominenti.

Il-bandiera tintuża f’avvenimenti nazzjonali. Kienet ittellgħet solennement kemm f’Jum l-Indipendenza kif ukoll f’Jum il-Ħelsien. Tintuża f’avvenimenti sportivi internazzjonali kif ukoll kull fejn huwa rrappreżentat pajjiżna, fosthom fil-Ġnus Magħquda u fl-Unjoni Ewropea. Narawha wkoll fuq bini pubbliku biex juri li dak il-bini huwa tan-nazzjon.

Il-poeta nazzjonali għandu poeżija jisimha Lill-Bandiera Maltija… “Hekk bajda u ħamra biss irridek”… u Manwel Dimech kellu ġurnal jismu Il-Bandiera tal-Maltin.

Aktar Episodji

Blog

IRREĠISTRA biex tirċievi l-aħħar aġġornamenti minn TVM

IRREĠISTRA HAWN