WAQT IL-KAFÉ… ma’ Joe Julian Farrugia
Fil-Bibbja nsibu li aħna l-Maltin ospitabbli ħafna u nilqgħu lill-barranin bi ħlewwa liema bħalha. Għallinqas ir-rakkont dwar kif San Pawl spiċċa f’Malta hekk jgħid. U jekk hu hekk, maż-żmien l-affarijiet inbidlu, u nbidlu sew. U mhux illum biss.
Jien niftakar l-aħħar ftit snin tal-Ingliżi f’Malta. Konna nittrattaw b’mod differenti lill-Ingliżi mill-Għarab, per eżempju. Tal-ewwel kienu ġinġrin, ħelwin u kien hawn min iħares lejhom b’qima, waqt li lill-Afrikani ta’ Fuq kienu jsejħulhom “tal-ħabbażiż” bi tmaqdir. Anki jekk inħallu dan l-argument fl-Ewropa biss, kellna ħafna nies jaduraw lill-Ingliżi li kienu jirreferu għat-Taljani bħala “ċiċċimakaroni”, speċi tajbin għall-għaġin biss. L-aktar li kienu jitkellmu hekk kienu dawk li kienu jaqilgħuha tajjeb mal-ħakkiema ġinġrin u bin-nemex.
L-Ingliżi telqu imma l-mentalità baqgħet l-istess. Aħna l-Maltin għandna ħabta nagħżlu bejn il-barranin. Nafu niddeċiedu liema minnhom tajbin jew liema ħżiena. Kien hemm żmien meta konna nitkellmu fuq in-nies tal-Ewropa tal-Lvant bħala tal-biża’. Kien żmien il-Komuniżmu u allura f’moħħ dal-poplu kull min kien ġej minn wara l-hekk imsejħa purtiera tal-ħadid, kien ħażin, tal-biża’ u ħadd ma jrid affari. Kienu jaħsbu li kull Russu, Bulgaru, Ungeriż, Ċekoslovakk, Pollakk u aktar, kienu kollha ġenerali u marixxalli kattivi. Sakemm tfaċċa Papa Pollakk u qlibna l-kliem.
Ara llum, jekk titfaċċa xi tfajla Russa bjonda, ħadd ma jibża’ minnha fuq il-box titgħawweġ u tħajjar l-irġiel f’xi Gentlemen’s Club. Dik mhix tal-biża’, mhux hekk? Jew inkella xi tfajla sabiħa, ġejja minn fejn ġejja, f’xi massage parlour… ħadd ma jiddejjaq minnha. Imbasta taqdina sal-aħħar u tferraħna.
Imma ara kif jitfaċċaw f’pajjiżna nies b’ġilda kulur ieħor, imbagħad naqilbu l-frekwenza. Nagħtuhom xogħol li ħadd ma jrid jagħmel, ħafna drabi bla ktieb, b’xi paga miżera u bla ħarsien għas-saħħa. Xbajt nisma’ korrimenti u mwiet fuq il-post tax-xogħol minn barranin, partikolarment minn ċerti pajjiżi. Għax aħna ospitabbli ħafna. Mhux hekk qalet il-Bibbja?
Eċċezzjoni waħda hemm. Jekk jiġi xi futboler tajjeb, anki jekk ikun iswed, lil dak mhux biss nippermettuh, anzi nfittxu naqilbulu ċ-ċittadinanza forsi jilgħab mat-tim nazzjonali. Għax hekk jaqblilna!
U bilħaqq anki fi żmien San Pawl konna nagħżlu kif jaqblilna. Ma’ San Pawl kien ġie San Luqa wkoll. Imma la Pawlu popolari iktar minn Luqa, insemmu lil min jaqblilna biss.