Bonġu Kafé
Kurżitajiet

Il-Bassar tat-Temp

WAQT IL-KAFÉ… ma’ Joe Julian Farrugia

Bħal daż-żmien it-temp dejjem jilgħab. Wara x-xhur sħan tas-sajf, l-ajru jkun għadu ma ddeċidiex jekk jibqax jagħtina aktar u aktar sħana inkella jaqleb għall-istaġun tal-kesħa u l-maltemp. Ir-rapporti tal-Uffiċċju Meterjoloġiku jibdew ibassru meta ġejja xi maltempata li ġġiegħlna nibdlu l-ħwejjeġ li nilbsu imma mhux dejjem jaqtgħu. L-antiki kienu jgħidu li sal-Milied, la bard u lanqas ksieħ, imma mhux dejjem qatgħu lanqas.

Meta kont żgħir niftakar immur ma’ missieri f’ħanut partikolari Wied iż-Żurrieq li mal-ħajt kellu patri li jbassar it-temp. Kien qisu inkwatru tal-arkett li juri patri bil-qiegħda jipponta bi stikka f’idu x’temp ikun ġej minn lista ta’ kelmiet fuq kolonna. U mhux idu biss kienet tiċċaqlaq. Jekk ikun ġej il-maltemp, anki l-barnuża kienet titla’ tgħattilu rasu waqt li fil-bnazzi, kienet tinżel biex ma jħossx sħana.

Niftakar ġurnata partikolari, bnazzi kbir fuq Wied iż-Żurrieq, imma sid il-ħanut qalilna li ġej il-maltemp dalwaqt “għax hekk qed juri l-patri.” Ħadd ma emmnu għax lanqas sħaba ma kien hemm fl-ajru, imma ma għaddietx siegħa; tela’ ajru sewdieni, tqawwa l-baħar u ħabtet maltempata li anki xi sajjieda li nzertaw fuq il-baħar kellhom diffikultà jidħlu lura lejn l-art. Dakinhar kulħadd qal li l-patri kellu raġun.

Il-kurżità ma ħallitnix bi kwiet u ta’ tifel li kont staqsejt kif ikun jaf x’temp ġej dak il-patri. Qaluli li fuq wara ta’ dak il-patri jkun hemm biċċa musrana ta’ xi annimal li tibdel il-piż skont l-umdità. Jekk l-arja tkun umda ħafna tixxarrab, titqal u allura id il-patri tinżel ‘l isfel. Min-naħa l-oħra jekk ikun riħ fuq u umdità ikun hemm ftit li xejn, il-musrana teħfief u id il-patri titla’ ‘l fuq.

Jgħidu li dan it-tip ta’ kejl ivvintah Agapito Borràs Pedemonte fl-1894 meta kellu biss 18-il sena. Hemm min jgħid li minflok musrana jintuża xagħar uman. Imma l-familja Borràs baqgħet dejjem tipproduċi hi dawn l-istrumenti li jaħdmu bl-umdità atmosferika, għax jgħidu li s-sigriet ta’ Agapito baqa’ biss fil-familja tagħhom.

Aktar Episodji

Blog

IRREĠISTRA biex tirċievi l-aħħar aġġornamenti minn TVM

IRREĠISTRA HAWN