Bonġu Kafé
Kurżitajiet

Il-Bebbuxu

WAQT IL-KAFÉ… ma’ Joe Julian Farrugia

 

Jimxi bil-mod ħafna. Infatti kull min idum biex jagħmel xi ħaġa jgħidulu li qisu bebbuxu. Huwa ħlejqa li la għandu leħen u lanqas jiġbed l-attenzjoni f’ebda ħin, għax kulma jagħmel huwa li jitkaxkar fl-art, fuq il-weraq jew xi zokk b’lajma liema bħalha. Iġorr il-qoxra miegħu qisu qed iġorr daru. Kulma għandu biex jiddefendi lilu nnifsu hija l-qoxra nnifisha meta jitrekken ġewwa fiha.

Il-bebbuxu jitkaxkar għax saqajn m’għandux. Min jaf kemm iweġġa’ meta jkollu jitkaxkar fuq art li mhix lixxa. Jitkaxkar u biex jagħmel dan possibbli jxerred il-lgħab, speċi ta’ bżieq, biex fuqu jkun jista’ jiżżerżaq fuq l-art niexfa. U dan il-lgħab veru jiżloq għax jekk tmissu b’idejk idellek ħafna.

La l-bebbuxu jkollu jitkaxkar, l-aħjar żmien li joħroġ idur huwa wara xi ħalba xita. Infatti huwa jorqod tul is-sajf kollu bejn xi żewġ ġebliet fil-ħajt tas-sejjiegħ, imbagħad kif jintebaħ li bdiet nieżla x-xita, arah joħroġ ifittex x’jiekol. La jkun rieqed tul is-sajfl jibqa’ sajjem u allura meta jkun jista’ joħroġ żgur li jkollu l-ġuħ u jfittex xi weraq friski x’jiekol. Kultant titħassarhom wara li tagħmel ix-xita tarahom jaqsmu xi triq bil-periklu li tgħaddi xi karozza u tgħaffiġhom. Issib nies li dak il-mument ikunu jistennewh, mhux biex joħorġu jieklu l-weraq, imma biex joħorġu jiġbru l-bebbux infushom għall-ikel. Issib min lanqas jistenna x-xita u jħarbtu l-ħitan tas-sejjiegħ biex jaqbdu l-bebbux waqt ir-raqda bejn il-ġebel.

Hemm diversi forom ta’ bebbux. Dak skur u daqsxejn kbir huwa l-aktar komuni u huwa l-ispeċi li tittiekel. Hemm imbagħad il-bebbux l-abjad li ħafna drabi jgħaddi r-raqda tiegħu maz-zkuk. Dan hawn min joħroġ jiġbru wkoll… biex jużawh bħala liska għas-sajd bil-qasba. Miskin ma jkunx ħelisha minn naħa, u jiblagħha mill-oħra.

Hemm ħafna iktar speċi ta’ bebbux. Fost oħrajn hemm ukoll il-bebbux tal-baħar. L-Għawdxin isejħu bebbuxu lil dak tal-baħar. Dak tal-art jgħidulu għakrux.

Semmejt li hawn min jiekol il-bebbux. Jagħmluh arjoli inkella xi stuffat. Hawn min anki jżid il-qarnit mal-bebbux stuffat. Anzi barra minn Malta jsajru speċi oħrajn ta’ bebbux ukoll, differenti fil-lewn u anki fid-daqs.

Aktar Episodji

Blog

IRREĠISTRA biex tirċievi l-aħħar aġġornamenti minn TVM

IRREĠISTRA HAWN