Joe Julian Filgħodu
Lokali

Il-Bejt

WAQT IL-KAFÉ… ma’ Joe Julian Farrugia

Ħafna djar, speċjalment dawk antiki fihom il-bejt; sular sħiħ jew ftit inqas ta’ spazju miftuħ kollu kemm hu għal sid id-dar. Dawk li jgħixu f’xi appartamenti, ikollhom bejt komuni li jistgħu jużawh ir-residenti kollha.

Forsi ftit nirrealizzaw kemm f’pajjiżna l-bejt ingawduh. Nużawh biex nonxru l-ħwejjeġ, jew għal xi naqra frisk fis-sajf. Imma f’pajjiżi ’l fuq minna, minħabba li jkollhom ħafna borra fix-xitwa, l-bjut tagħhom ma jistgħux ikunu ċatti bħal tagħna għax inkella t-toqol tal-borra jitfa’ kollox għal isfel. B’hekk, fuq bejt imżerżaq la tista’ titla’ tonxor u lanqas għal xejn aktar.

Fuq nett tad-dar tagħna jkollna t-tromba, l-aħħar sular ta’ taraġ. Hawn ta’ min tkun ikbar minn sempliċi tromba u tintuża għall-ħasil tal-ħwejjeġ. U minnha toħroġ għal fuq il-bejt. Fi djar li kienu jissaqqfu bit-travi u x-xorok, kienu jballtu l-wiċċ tiegħu bid-deffun. Aktar qrib żmienna, meta s-soqfa qegħdin isiru tal-konkos, isir kontrabejt tal-konkos ukoll. Naturalment il-wiċċ dejjem isir jaqleb biex l-ilma tax-xita imur f’rokna magħżula minn fejn jiskula għal ġol-miżieb, inkella għal ġo katusa li tieħdu f’xi bir.

Fuq ħafna bjut tara arbli żgħar, tal-injam jew ħadid biex magħhom jintrabtu l-ħbula għall-inxir tal-ħwejjeġ. Fl-imgħoddi kien hawn min anki l-ħasla jagħmilha fuq il-bejt, f’xi banju taż-żingu, jogħrku l-ħwejjeġ u forsi anki jqabblu xi ftit għana msejjaħ “tal-banju”, biex jinku lill-ġirien.

Fuq il-bejt hawn min itella’ xi arblu ma’ kaxxa tal-ġebel jew tal-konkos, biex fil-festi  jtella’ bnadar differenti skont l-okkażjoni, flimkien ma’ xi fustun dawl biex jinxtegħel wara nżul ix-xemx. Il-fustun tad-dawl, meta ma jkunx imtella’ mal-arblu, hawn min jifirxu fuq il-ħbula tal-inxir biex jixgħelu meta jkollu xi festin għall-frisk, jew daż-żmien xi barbeque.

Fl-imgħoddi, fuq koll bejt kont tara l-aerial tat-televixin marbut mal-kamra tat-tromba. Kien hawn min anki kellu apparat biex idawwwar l-aerial minn isfel meta ma jkunx jista’ jaqbad xi stazzjon Sqalli.

Kien hawn min anki jarma fuq il-bejt il-gallinari għall-ħamiem tal-ġiri, gallinari b’ħafna kuluri biex il-ħamiem jagħraf il-bejt mill-bogħod.

Blog

IRREĠISTRA biex tirċievi l-aħħar aġġornamenti minn TVM

IRREĠISTRA HAWN