Radju Kafé
Kurżitajiet

Il-Bexxiexa tat-Triq

WAQT IL-KAFÉ… ma’ Joe Julian Farrugia

 

Tara ritratt bħal dan bilfors tistaqsi x’inhu. Hemmhekk it-triq ta’ quddiem il-knisja tal-Furjana, bejn il-fosos u l-knisja, u dak ir-raġel għaddej bil-bexxiexa. Ħafna minna ma jiftakrux żmien il-bexxiexa fit-toroq.

Qabel l-1930, it-toroq tagħna ma kellhomx asfalt jew tarmak. Kienu jinksew b’sodda ta’ ġebel qawwi u torba imbagħad jgħaddu minn fuqha b’romblu kbir biex jillixxjawha kemm jistgħu. Dak kollox. Naturalment dan ifisser li bil-karrettuni għaddejjin u bl-elementi, toroq ta’ dik il-kwalità kienu jaqilgħu ħafna trab. Kien diffiċli li art bħal dik tinkines. Pajjiżna mhux nieqes mir-riħ u min-nixfa u għalhekk jagħmel aktar trab. It-trab idejqek u jħammeġ u kien hemm bżonn tinstab soluzzjoni. U għalhekk il-Gvern kien jimpjega nies iduru mat-toroq bil-bexxiexa.

Din kienet tikkonsisti f’bettija kbira fuq karrettun misjuq minn żiemel jew xi bagħal jew ħmar. Fuq wara, f’tarf il-bettija kien ikun hemm manka tal-kanvas jew drapp oħxon bi speċi ta’ bott tal-metall b’ħafna toqob fih biex l-ilma joħroġ qisu shower. Mal-bott, il-bexxiex kien ikollu ħabel twil biex waqt li jbexxex it-triq ma jkunx tant qrib li jispiċċa jixxarrab hu. Kien jimxi f’nofs tat-triq u jxengel il-ħabel ’l hemm u ’l hawn biex ibexxex il-wisa’ tat-triq kollha u b’hekk iraqqad it-trabijiet… sakemm bi ftit xemx dik in-naqra ilma kienet tinxef u kollox jerġa’ lura bħal qabel.

Kienet sistema li taħli l-ilma li minnu għandna ftit wisq. Dawk tal-irħula maġenb il-baħar kienu jimlewha bl-ilma baħar. Imma tal-irħula l-oħrajn kellhom bogħod wisq biex imorru jimlew mix-xatt bil-bhima kuljum u allura kienu jimlewha b’ilma ħelu mill-għejjun, mill-ġwiebi jew mill-kanen tal-Gvern.

Naturalment it-tfal fit-toroq kien ikollhom xalata meta jgħaddi tal-bexxiexa. Tfal kien ikun hawn ħafna fit-toroq u erħilhom iċafalsu jew jimlew lil xulxin apposta bl-ilma mħallat mat-trab tal-art. Imbagħad ħalli għall-ommijiet ma jħallux lil uliedhom jidħlu ġewwa qabel inaddfu saqajhom sew. Imma insomma kienet ħajja oħra.

Immaġina llum tgħaddi l-bexxiexa mit-triq u twaqqaf it-traffiku bil-ħmar f’nofs tat-triq. Kieku jkun hawn xalata mod ieħor.

Blog

IRREĠISTRA biex tirċievi l-aħħar aġġornamenti minn TVM

IRREĠISTRA HAWN