Joe Julian Filgħodu
Kurżitajiet

Il-Bidni

WAQT IL-KAFÉ… ma’ Joe Julian Farrugia

Int u nieżel minn Ħaż-Żabbar lejn Wied il-Għajn, mit-triq l-antika, hemm telgħa ċkejkna fuq il-lemin li minn bejn l-għelieqi twasslek sal-Bidni. Huwa raħal żgħir ħafna bi knisja żgħira fin-nofs u ftit djar madwarha. Minkejja li jinsab qrib ħafna tat-triq traffikuża, huwa moħbi fl-ambjent rurali li jalla jibqa’ hekk.

Il-kelma Bidni hija l-isem ta’ tip partikolari ta’ żebbuġ li jikber f’Malta. Jiġifieri jista’ jkun li fl-imgħoddi kien jitkabbar iż-żebbuġ fl-għelieqi t’hemmhekk. Niftakru li dal-post huwa viċin iż-Żejtun li għandu ismu wkoll marbut mat-tkabbir taż-żebbuġ. L-isem Żejtun ġej mill-Għarbi u jfisser siġra taż-żebbuġ. Mill-kelma Bidni għandna isem ta’ post ieħor, did-darba fin-naħa ta’ fuq ta’ Malta; il-Bidnija.

Il-knisja tal-Bidni hi ddedikata lill-Madonna tad-Dawl. Inbniet fis-seklu 17 u quddiemha hemm misraħ żgħir. Imma aktar impirtanti quddiemha huwa l-monument tat-tliet slaleb skolpit fil-ġebla. Fih jidhru s-simboli tal-passjoni ta’ Sidna Ġesù. Hemm diversi teoriji dwar għala nħoloq dan il-monument. Hemm min jgħid li t-tliet slaleb qegħdin hemm għax il-post jinsab bejn tliet lokalitajiet, jiġifieri Ħaż-Żabbar, iż-Żejtun u Wied il-Għajn. Dwar din hemm dubju għax il-monument żgur għandu żmien aktar minn kemm ilu mwaqqaf Wied il-Għajn.

Ġużè Muscat Azzopardi jagħti verżjonijiet differenti. Jista’ jkun minħabba li fuq il-post kienu nqatlu tliet patrijiet mit-Torok u ndifnu hemm. Jista’ jkun ukoll minħabba li jingħad li hemm indifen xi ħadd li miet bil-pesta, u hemm leġġenda wkoll li wieħed eremit kien indifen għal tliet darbiet fil-post għax kull darba kien jirxoxta.

Fil-viċinanzi hemm ukoll iċ-Ċirku tal-Bidni. Dan jinsab fi propjetà privata u għalhekk diffiċli tarah. Nafu bih biss mir-ritratti mill-ajru. Huwa speċi ta’ għalqa kbira tonda, aktar baxxa mill-għelieqi li jdawruh. Ħadd ma jaf jekk ħolqithiex in-natura jew għamilha l-bniedem. Hemm min anki jistħajjlu xi ħaġa ta’ barra mid-dinja tagħna, imma ma hemm ebda prova għal kull ipotesi. Li hu żgur li fil-madwar instabu għadd ta’ fdalijiet arkeoloġiċi antiki ħafna.

Blog

IRREĠISTRA biex tirċievi l-aħħar aġġornamenti minn TVM

IRREĠISTRA HAWN