Bonġu Kafé
Kurżitajiet

Il-Fenek

WAQT IL-KAFÉ… ma’ Joe Julian Farrugia

Jingħad li l-fenek f’Malta nġieb minn xi ħakkiema. Fil-fatt fl-Ewropa kien ilu jeżisti qabel kien introdott fi gżiritna.

Minn dejjem kien meqjus bħala ikel u l-ħakkiema li tefgħuh fis-salvaġġ għamlu hekk biex ikun hawn provvista ta’ ikel fuq il-gżejjer tagħna; maqtugħin mill-bqija tal-Ewropa.

Il-fniek sabu x’jieklu u sabu kenn biżżejjed fil-kampanja Maltija u għexu għal sekli sħaħ.

Ħadd ma jaf meta l-fniek bdew jitrabbew mill-bniedem f’Malta. Huwa żgur, iżda, li fi żmien il-Kavallieri saru diversi restrizzjonijiet kontra l-kaċċa tal-fenek, u jista’ jkun li kien dak iż-żmien li kien hawn min beda jrabbihom fil-magħluq biex, bla jikkaċċjahom, ikun jista’ jikolhom.

Kienu jżommu fenka mitmugħa sew bejn erba’ ħitan. Minħabba t-toqol tagħha għax mitmugħa ħafna, ma kinitx tista’ taqbeż il-ħajt u taħrab.

Min-naħa l-oħra, l-fniek irġiel ta’ barra setgħu jaqbżu l-ħajt għal ħdejha u jgħammruha. U b’hekk ir-razza dejjem baqgħet għaddejja.

Minkejja li ma oriġinawx f’pajjiżna, waħda mill-ikliet tradizzjonali tinvolvi l-fenek. Hawn min jagħmlu stuffat biz-zalza ħamra bl-inbid bil-patata u bil-piżelli. Dan imur miegħu platt spagetti biz-zalza merfugħa mill-borma għal qabel.

Hawn imbagħad min jaqli l-fenek fiż-żejt u t-tewm u r-riħa li jħalli taqsamlek qalbek. F’dan il-każ tmur miegħu il-patata moqlija. U wara ikla fniek ma’ xi naqra inbid mill-itjeb, ponn karawett, tneħħilu l-qoxra u tiekol … jew xi naqra frott.

Meta ssemmi l-fenek issemmi l-Imnarja. Waqt festa meta n-nies kienu jqattgħu lejl sħiħ taħt is-siġar tal-Buskett, kienu jieħdu l-fniek magħhom u jsajru u jieklu hemm stess.

Min jaf x’riħa bnina kien ikun hemm … u msieken il-fniek! Kien hawn min biex jiċċajta jgħidlek biex toqgħod attent għax anki qtates kienu jsajru … imma allaħares jiġri hekk.

Maż-żmien bdew jiftħu ristoranti li jispeċjalizzaw fil-fenek, partikolarment f’postijiet bogħod mill-ibliet, ħdejn il-baħar jew fi rħula żgħar.

Illum il-maġġoranza tal-fniek għall-ikel insibuhom fi rziezet apposta. Iżda fniek tas-salvaġġ għadek issibhom ukoll. Joħorġu biss mal-lejl biex jieklu, dejjem bil-biża’ tal-kaċċa.

Blog

IRREĠISTRA biex tirċievi l-aħħar aġġornamenti minn TVM

IRREĠISTRA HAWN